Atletika
Atletika: Usain Bolt jinqabad f’lejl ta’ alkoħol u nisa jumejn qabel il-finali

Usain Bolt, l-aqwa sprinter mondjali ta’ kull żmien, għamel lejl sħiħ jixrob u jiffesteġġja man-nisa, il-Ħamis li għadda, jumejn qabel il-finali tal-4×100 li ġera’ s-Sibt, mat-tliet kollegi tiegħu tal-Ġamajka.

F’din il-finali, il-Ġamajka kienu bejn it-tieni u t-tielet post sakemm ġiet id-dritta finali għal Bolt u wara ftit passi waqaf u waqgħa mal-art minħabba uġigħ f’sieq minnhom.

Din l-istorja ġiet żvelata fis-sigħat li għaddew f’diversi siti tal-media fir-Renju Unit fejn fiha jidhru wkoll filmati ta’ Bolt jiżfen, imdawwar bin-nisa, bil-birra f’idejh, proprju inqas minn 48 siegħa mill-finali li kellu.

L-aħbar ġibdet l-istmerrija ta’ ħafna minħabba l-fatt li Bolt meqjus ikona tal-atletika u xempju ta’ kif tgħix ħajja ta’ eżempju fl-isport professjonali. L-ikbar kritika lejh fuq il-media soċjali kien il-fatt li għamel dak li għamel ftit sigħat qabel il-finali u tellef iċ-ċans lil sħabu jirbħu midalja oħra.

L-istess stejjer jgħidu li Bolt għamel lejl jixrob ir-rum u l-cognac f’dar ta’ ħbieb tiegħu f’Londra u deher anki jiżfen u jbus diversi nisa. Hu ħareġ minn ġod-dar f’sakra ‘ma jarax art’ u rritorna fil-lukanda tal-kontinġent Ġamajkan f’xi 6.00am.

Diversi rapporti qed jgħidu li Bolt kien qed jiċċelebra l-ħajja bil-mod tradizzjonali Ġamajkan, ta’ sieħbu Germaine Mason, l-atleta li miet f’April li għadda.

L-istess media fl-Ingilterra irrapurtat li bagħtet mistoqsijiet lill-Federazzjoni tal-Atletika tal-Ġamajka, iżda s’issa ma kellhom ebda reazzjoni x’jagħtu.

Miktub minn...
TVM Sport