Olimpijadi TOKYO 2020
Bach jgħid li l-Villaġġ Olimpiku għandu jkun l-aktar wieħed sigur waqt l-Olimpjadi

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach qal li l-Villaġġ Atletiku għall-Olimpjadi tas-sena d-dieħla għandu jkun l-aktar wieħed sigur fil-belt ta’ Tokjo. Wara diversi laqgħat mal-organizzaturi tal-Olimpjadi, Bach qal li kollox jinsab lest sabiex is-sena d-dieħla, mal-11,000 atleta jmorru Tokjo sabiex jieħdu sehem fl-Olimpjadi li suppost kellhom isiru s-sajf li għadda iżda li kellhom jiġu posposti minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Kważi l-atleti kollha li sejrin Tokjo ser ikunu qed joqgħodu fil-Villaġġ Olimpiku, bl-appell tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali hu li l-organizzaturi jridu jagħmlu dak kollu possibbli sabiex l-atleti jħossuhom siguri waqt l-Olimpjadi. Jidher li l-atleti ser ikollhom perjodu qasir kemm jistgħu jdumu joqgħodu fil-Villaġġ Olimpiku, allura huwa mistenni li diversi akkomodazzjonijiet oħra ser ikunu mimlija b’atleti minn pajjiżi differenti madwar id-dinja.

L-organizzaturi għadhom qed jistennew żviluppi ġodda rigward il-pandemija tal-Covid-19, u s’issa għadu ma ġie deċiż xejn dwar protokolli u jekk l-ispettaturi hux ser jitħallew jaraw il-logħob.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA