Basketball
Basketball: Kampjonat esperimentali bi 3 players barranin

Basketball: Mill-Istaġun il-ġdid il-Malta Basketball Association se tkun qed idaħħal fis-seħħ regolamenti ġodda li għadhom kemm ġew approvati mill-Clubs dwar l-użu tal-ammont ta’ players barranin fil-kampjonati tagħha.

F’Konferenza stampa li fiha ġie kkonfermat il-Bank of Valletta bħala sponsor tal-kompetizzjoniiet kollha tal-Basketball u li fiha ttellgħu ukoll il-poloz tal-kompetizzjoni tan-Knock Out ġie spjegat kif it-teams sa minn dan l-istaġun se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn massimu ta’ tliet players barranin fi kwalinkwe ħin fil-court.

Il-President tal-MBA Paul Sultana spjega kif dan ir-regolament se jidħol fis-seħħ minn dan l-istaġun wara qbil mal-Clubs. Hu spjega li dan l-istaġun se jkun wieħed esperimentali bl-użu ta’ tliet barranin u li l-assoċjazzjoni se tkun qed telimina r-regolament li jagħmel distinzjoni bejn dak li jisejjaħ ‘local foreigner’ jiġifieri barrani li jaħdem Malta u jilgħab il-basketball mhux bħala l-professjoni prinċiplai tiegħu u barrani professjonali.

B’Kollox se jkunu seba’ teams li se jieħu sehem fil-kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni fosthom Gżira Athleta, Depiro, BUPA Luxol, Floriana MCP Car Parks, Starlights GIG, Hibernians u MSC Balkan Fusion it-team li l-istaġun li għadda rebaħ il-promozzjoni mill-Amateur League.

Fl-Amateur League se jikkompetu ħames teams li se jkunu Starlights GIG, Victoria Libertas Sporting, Depiro Amateurs, Gżira Athleta u Siġġiewi.

Intant wara nuqqas ta’ xi snin l-MBA se terġa’ tintroduċi l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena li se jkun ta’ opportunita’ sabiex iktar żgħażagħ jilagħbu l-logħba b’mod kompetittiv b’mod regolari. Hawn il-Clubs huma ntitolati jużaw sa massimu ta’ player barrani wieħed taħt it-23 sena li iżda ma’ jistax jilgħab mat-team tal-kbar. Nota negattiva hu n-nuqqas tat-team ta’ Athleta fil-kampjonat tan-Nisa. F’dan il-kampjonat japplika r-regolament ta’ massimu ta’ tliet players barranin għalkemm fi kliem is-Segretarju Ġenerali tal-MBA mill-indikazzjonijiiet huma ftit il-teams tan-nisa li se jkunu qed jirreġistraw iktar minn massimu ta’ żewġ barranin.

Peter Perotti f’isem il-Bank of Valletta awgura li l-MBA jerġa’ jkollha staġun mimli kompetizzjonijiet interessanti. Hu ħeġġeġ lill-ażjendi privati oħra sabiex jimxi fuq il-passi tal-Bank of Valletta u jagħtu s-sosten finanzjarju tagħhom lill-Assoċjazzjonijiet Sportivi u b’hekk ikunu qed jgħinu fl-iżvilupp tal-Isport f’Malta.

L-Istaġun tal-Basketball lokali jibda fi tmiem il-ġimgħa bit-Tazza Indipendenza bil-kampjonat jibda ġimgħa wara.

Il-Poloz tal-kompetizzjoni KO irriżultaw hekk:

L-Ewwel Diviżjoni – Kwarti Finali:

MSC Balkan Fusion vs Gżira Athleta

Depiro vs BUPA Luxol

Floriana MCP vs Starlights GIG

(Hibernians bħala holders jilgħabu fis-semi finali mill-ewwel)

Amateur League – Kwarti Finali: 

Gżira Athleta – Siġġiewi

L-Ewwel Diviżjoni – Semi Finali:

Gżira Athleta / Siġġiewi vs Starlights GIG

Victoria Libertas vs Depiro Amateur

 

Miktub minn...
TVM Sport
.