Balzan FC bit-tieni rebħa minn żewġ logħbiet

KAMPJONAT BOV PREMIER 2016/17

Pembroke A…….1

Balzan………………2

RAPPORT CHARLES VELLA

Balzan kisbu it-tieni rebħa konsekuttiva dan l-istaġun, wara li għelbu lil Pembroke bl-iskor ta 2-1, b’żewġ goals ta’ Bojan Kaljevic.

Pembroke, li kienu ġejjin minn telfa ta 2-1 kontra Floriana kellhom bejn il-lasti lil Matthew  Calleja Cremona, pero’ nieqsa kienu Luke Montebello u Siraj Arab, sospiżi. Minn naħa tagħhom Balzan, li fl-ewwel partita tal-kampjonat kienu għelbu lil Mosta b’iskor ta’ 3-2, bdew bil-goalkeeper Christian Cassar flok Janjusevic filwaqt li akkwisti l-ġodda,  Nafti u Piciollo bdew fuq il- bank tas-sostituti.

Wara biss sitt minuti logħob, Balzan fetħu l-iskor, free kick mogħti minn Justin Grioli, għola tajjeb Bojan Kaljevic, li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb għal kollox lill-goalkeeper Calleja Cremona. Erba’ minuti wara xutt insidjuż ta’ Paul Fenech, spiċċa ftit barra. 

Fit tmienja u għoxrin minuta, kontra xejra tal-logħob, Pembroke skurjaw il-goal ta’ dro meta ir-rovixxata ta’ Mateus Regis Da Silva ġiet devjata minn Serrano Valero bil-ballun żbilanċja għal kollox lil Cassar u spiċċa fix-xibka.

Fit-tlieta u tletin minuta Balzan għal ftit ma marrux fil-vantaġġ, wara żball ta’ Calleja Cremona, Effiong ixxuttja fil-baxx iżda Kaljevic minn taħt il-lasti naqas li jikkonkludi għal ġewwa. Ftit qabel għalqet l-ewwel taqsima, free kick ta’ Grioli ġie salvat faċilment minn Calleja Cremona.

Fil-ħamsa u ħamsin minuta, free kick ieħor ta’Grioli, spiċċa fuq il- lasti ta’ Pembroke. Fil wieħed u sittin minuta, pass ta ‘Lydon Micallef lis-sostitut Matteo Piciollo, li minn taħt il-lasti avversarja ixxuttja ftit għoli. Kwarta minn tmiem il-partita, xutt fil-baxx ta’ Kaljevic ġie salvat tajjeb mal-art min Calleja Cremona. Fit tmenin minuta, Pembroke viċin li jsibu x-xibka, meta wara kross ta’ Mariano, l-ewwel xutt ta’ Regis Da Silva ġie imblukkat, u mir-rebound xutt tas-sostitut David Fenech ġie imblukkat ukoll. Erba’ minuti mit-tmiem Balzan kisbu l-goal tar-rebħa, corner ta’ Paul Fenech, u b’daqqa ta’ ras Bojan Kaljevic għeleb għat-tieni darba lil Calleja Cremona. Fil-ħin miżjud, Pembroke għal ftit ma kisbux il-goal meta kross ta’ Clifford Gauci  ġie għand David Fenech li mill-qrib tefa l-ballun barra.

Riżultat finali, Balzan 2 – Pembroke A 1.

BOV Player tal-loghba: Paul Fenech (Balzan).

Referee: Clayton Pisani.

Miktub minn...
TVM Sport
.