Barcelona FC jippreżentaw lil Thomas Vermaelen

Il-ġganti Spanjoli Barcelona komplew isaħħu d-difiża wara l-akkwist tad-difensur ċentrali Belġjan Thomas Vermaelen li ffirma kuntratt ta’ ħames snin mal-klabb minn Nou Camp.

Rapporti fi Spanja qalu li l-katalani ħallsu lil Gunners is-somma ta’ dsatax-il miljun ewro għas-servizzi tad-difensur Belġjan.

L-akkwist ta’ Vermaelen kien it-tieni wieħed fid-difiża għal Barca, dan l-istaġun immexxija minn Luis Enrique, wara l-akkwist tal-Franċiż Jeremy Mathieu, ix-xahar li għadda mingħand Valencia.

Vermaelen għadda minn testijiet mediċi u kien ippreżentat fin-Nou Camp wara li ffirma l-kuntratt tiegħu.

Huwa kien ilu mis-sena elfejn u disgħa f’Londra ma’ Arsenal wara disa snin ma’ Ajax Amsterdam.

Il-karriera ta’ Vermaelen kienet imtappna minn numru ta’ injuries, huwa lagħab biss għoxrin darba mal-Gunners l-istaġun li ghadda, wara li kien magħluq fid-difiża minn plejers bħall-Franċiż Laurent Koscielny u l-Ġermaniż Per Mertesacker.

Barcelona se jkunu qed ifittxu li jirbħu l-ħames kampjonat tagħhom f’seba staġuni, meta nhar il-Ħadd erbgħa u għoxrin ta’ Awwissu li ġej, jibdew l-impenji tagħhom dan l-istaġun fil-Primera Liga, meta f’darhom jilqgħu lil Elche.

Miktub minn...
Rodney Vassallo