Futbol internazzjonali
Barcelona jkeċċu lil Ronald Koeman … Xavi Hernandez jew Roberto Martinez il-favoriti

Barcelona keċċew lill-kowċ Ronald Koeman wara t-telfa ta’ 0-1 kontra Rayo Vallecano f’La Liga.

Ftit minuti wara li ntemm il-konfront, il-President Joan Laporta informa lil Koeman li dik kienet l-aħħar logħba tiegħu fit-tmexxija tal-klabb, u llum ser ikun qed jitlaq għalkollox mill-uffiċċju tiegħu.

Wara t-telfa tal-bieraħ Barcelona jinsabu fid-9 post tal-klassifika, bi 15-il punt minn 10 logħbiet. Barra minn hekk, Barcelona qed jirriskjaw li ma jgħaddux mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League.

Skont il-midja Spanjola, l-ex midfielder ta’ Barcelona Xavi Hernandez huwa l-favorit li jieħu post Ronald Koeman fit-tmexxija ta’ Barcelona. Hernandez fil-preżent qiegħed imexxi lil Al-Sadd tal-Qatar. Minbarra Hernandez, rapporti oħra qed isostnu li l-interess tal-President Laporta huwa fil-kowċ tat-tim nazzjonali Belġjan Roberto Martinez.

F’Mejju li għadda Hernandez estenda l-kuntratt tiegħu m’Al-Sadd għal sentejn oħra wara li m’aċċettax li jmexxi lil Barcelona f’Jannar 2020. Fil-Qatar Hernandez qed ikollu s-suċċess fit-tmexxija, meta m’Al-Sadd rebaħ il-kampjonat f’April li għadda mingħajr telfa.

Min-naħa l-oħra, Martinez ilu jmexxi lit-tim nazzjonali Belġjan sa minn Awwissu 2016, u f’dal-perjodu, għalkemm il-Belġju baqa’ fl-ewwel post fir-rankings tal-FIFA, ma rebħu l-ebda trofew.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA