Futbol internazzjonali
Barcelona u Neymar jilħqu ftehim amikevoli barra l-Qorti

Barcelona qalu li laħqu ftehim amikevoli mal-attakkant Brażiljan Neymar mingħajr il-bżonn li l-każ jinqata’ fil-Qorti.

Il-każ imur lura għall-2017 meta Neymar telaq lil Barcelona biex jingħaqad ma’ Paris Saint-Germain. Dak iż-żmien il-Brażiljan kien qed isostni li l-klabb Katalan kellu jagħtih €46.3 miljuni f’bonuses. Dawn il-bonuses kienu parti mill-kuntratt li Neymar iffirma f’Ottubru 2016, qabel it-trasferiment rekord ta’ €222 miljun ma’ PSG.

Id-diżgwid li kien inqala’ bejn Barcelona u Neymar spiċċa l-Qorti, b’tal-ewwel jgħidu li l-Brażiljan ma żammx mal-kuntratt, b’tal-aħħar jisħaq li l-bonuses dovuti lilu riedu jingħataw.

F’Ġunju tas-sena li għaddiet, f’Qorti f’Barcelona, Imħallef kien qabel mal-verżjoni ta’ Barcelona u Neymar kien ordnat iħallas €6.7 miljuni lill-klabb Katalan. Neymar kien appella mis-sentenza u fetaħ każ ġdid kontra Barcelona. Biss jidher li permezz ta’ trattativi bejn iż-żewġ partijiet, dawn waslu għal ftehim amikevoli u l-każijiet fil-Qorti ġew iddikjarati nulli.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA