Barclays Premier League: City Jirbħu d-Derby ta’ Manchester

Fl-Ingilterra: Manchester City għelbu lill-arċi-rivali Manchester Utd 3-0 f’Old Trafford il-bieraħ biex telgħu t-tieni, tliet punti taħt il-leaders tal-Barclays Premier League Chelsea, b’żewġ logħbiet inqas.

dzeko

City kienu diġa’ minn fuq wara 42 sekonda: l-ewwel tentattiv ta’ David Silva ġie mblukkat, Samir Nasri sammar mal-wieqfa, bil-ballun jispiċċa f’saqajn Edin Dzeko li b’lasta sħiħa vojta quddiemu ma setgħax ifalli. L-ewwel taqsima għalqet 1-0; imma ħdax-il minuta wara l-mistrieħ City rduppjaw: corner ta’ Nasri, Dzeko ħarab il-markatura ta’ Ferdinand u b’xutt mill-ewwel reġa’ tefa’ wara De Gea. Ya Ya Toure kompla jżid mad-dispjaċir għar-Red Devils bit-tielet goal fid-90 minuta.

utd

Fl-Emirates Stadium, diżappunt ieħor u aktar punti mitlufa għal Arsenal wara s-sitta li qalgħu ma’ Chelsea s-Sibt li għadda. Sa 17-il minuta mit-tmiem Arsenal kienu 1-0 minn taħt kontra Swansea bil-goal ta’ Bony wara 11-il minuta; imma żewġ goals f’minuta qalbu kollox favur il-Gunners. L-ewwel kien Podolski li kkonkluda azzjoni sabiħa ta’ Kieran Gibbs għal ġewwa; u prattikament mill-kick-off b’azzjoni kważi simili fuq ix-xellug kien Podolski li pprovda did-darba lil Giroud li ma kellux diffikulta’ jiskorja minn tarf il-kaxxa ż-żgħira. Arsenal dehru resqin lejn rebħa: sakemm autogoal sfortunat ta’ Flamini mad-90 minuta għamel l-iskor finali 2-2.

Arsenal v Swansea City - Premier League

Fil-logħba l-ohra mill-Barclays Premier il-bieraħ, Everton għelbu lil Newcastle 3-0 barra minn darhom b’goals ta’ Barkley, Lukaku, u Osman. Illejla żewġ logħbiet oħra: West Ham kontra Hull; u Sunderland kontra Liverpool: li jekk jirbħu jitilgħu punt biss taħt Chelsea b’logħbiet daqshom. Il-klassifika bħalissa: Chelsea 69, Manchester City 66, Liverpool 65,  Arsenal 63.

florenzi

U fl-Italja: rebħa ta’ 2-1 fl-Olimpico għal Roma fuq Torino. Destro poġġa lil Roma minn fuq ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima; b’Immobile jġib id-draw għat-Toro fil-bidu tat-tieni waħda. Il-goal tar-rebħa wasal minn Florenzi fil-ħin miżjud. Illejla, Juventus jistgħu jerġgħu jiftħu vantaġġ t’erbatax-il punt fuq Roma jekk jegħilbu lil Parma f’darhom. Fost logħbiet oħra: Fiorentina kontra Milan.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.