Barclays Premier League – żelqa oħra għal Chelsea

Hasda oħra għal Chelsea, ġimgħatejn wara li tilfu konta Aston Villa, żelqa oħra barra minn darhom kontra tim modest.

Din id-darba l-Blues vittmi ta’ Crystal Palace, li għelbuhom f’Londra bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku gowl tal-partita jasal minn awto gowl ta’ John Terry.

Ftit tan-nifs għal David Moyes u Manchester United wara rebħa ta’ 4-1 fuq Aston Villa, li marru fil-vantaġġ kmieni minn Ashley Westwood, iżda mill-ewwel waslet ir-risposta minn Wayne Rooney li għaqqad id-doppjetta eżatt qabel il-mistrieħ minn penalti.

Fit-tieni taqsima żewġ gowls oħra għar-Red Devils, bl-ewwel gowl mal-klabb ghall-Ispanjol Juan Mata, qabel ma s-sostitut Chicharito, ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika, draw drammatiku ta’ 3-3 bejn West Bom u Cardiff.

Għal West Brom gowls ta’ Morgan Amalfitano, Graham Dorrans u Thievy Bifouma, għal Cardiff gowls minn Jordan Mutch, Steven Caulker u Mats Moeller Daehli.

Rebħiet konvinċenti f’darhom għal Swansea u Southampton.

Swansea għelbu lil Norwich bl-iskor ta’ 3-0, għalihom doppjetta ta’ Jonathan De Guzman u gowl ieħor ta’ Wayne Routledge.

Southampton ikomplu jitfgħu lil Newcastle f’iktar inkwiet wara li għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-0.

Jay Rodriguez b’doppjetta, Adam Lallana u Rickie Lambert ikomplu jikkonvinċu lill-kowċ nazzjonali Ingliż Roy Hogdson bil-gowls f’din il-partita.

Finalment Stoke City ssiġillaw xahar mill-aqwa, meta f’Marzu kisbu erba rebħiet u draw minn ħames loghbiet. Ir-rebha tal-lum waslet grazzi għal gowl ta’ Peter Odemwingie ftit wara s-siegħa logħob.

Għada jilgħabu Fulham kontra Everton u Liverpool jilqgħu lil Tottenham.

Miktub minn...
Rodney Vassallo