Futbol internazzjonali
Bartomeu jikkonferma li mhuwiex ser jirreżenja qabel il-vot ta’ fiduċja

Il-President ta’ Barcelona Jose Maria Bartomeu kkonferma li mhuwiex ser jirreżenja qabel jittieħed il-vot ta’ fiduċja fih. Bartomeu saħansitra qed jitlob lill-Gvern reġjonali tal-Katalunja sabiex jipposponi l-vot li mistenni jittieħed fl-1 u t-2 ta’ Novembru minħabba l-pandemija tal-Covid-19. F’konferenza tal-aħbarijiet Bartomeu qal li talab lill-Gvern reġjonali sabiex il-vot jittieħed fil-15 u s-16 ta’ Novembru, ħmistax wara meta huwa oriġinarjament skedat. Il-bord tal-klabb Katalan ukoll talab lill-Gvern sabiex jipposponi l-vot għax qed jgħidu li ma tagħmilx sens li l-membri tal-klabb imorru jivvutaw meta qed jintalbu jibqgħu fi djarhom minħabba l-pandemija.

Diversi gruppi ta’ partitarji flimkien ma’ persuni interessati fil-kariga ta’ President tal-klabb iffirmaw petizzjoni msejħa ‘Mes que una mocio’ (Aktar minn Mozzjoni). Din il-petizzjoni kienet iffirmata minn aktar minn 20,687 persuna, u b’hekk inqabeż il-limitu ta’ 16,520 firma li hemm bżonn sabiex jintalab vot ta’ fiduċja. Is-sejħiet għal vot ta’ fiduċja kienu bdew wara t-telfa kbira li Barcelona ħadu kontra Bayern Munich fil-UEFA Champions League meta spiċċaw eliminati 8-2, imbagħad fis-sajf Lionel Messi għamilha ċara li jrid iħalli lill-klabb. Skont il-partitarji, Bartomeu m’għandux id-direzzjoni sportiva meħtieġa u fit-tmexxija tiegħu qed ikun hemm diversi abbużi finanzjarji li qed iwasslu lill-klabb ibati fil-grawnd.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA