Basketball
Basketball: Ġlieda fi tmiem il-logħba Mellieħa – Gżira Athleta. Il-President ta’ Mellieħa Petrucci jaqla’ daqqa ta’ ponn

Il-President tal-Club tal-Basketball SC Libertas Nicolo Petrucci kien involut f’inċident mat-tmiem il-logħba mill-kampjonat Amateur tal-Malta Basketball Association fi tmiem il-logħba SC Libertas kontra Gżira Athleta.

Mil-filmati tax-xandira live li kienet għaddejja fuq il-mezzi soċjali jidher li fi tmiem il-logħba li ntrebħet minn Mellieħa bl-iskor ta’ 75- għal 74, il-President ta’ Mellieħa Petrucci mar biex jieħu b’idejn u jsellem lill-players tat-team avversarju iżda meta resaq lejn il-plejer bin-numru 10 ta’ Gżira Nathan Xuereb dan ma tax kasu u Petrucci mbuttah ftit. Min hemm inqala’ kaos tant li daħlu fil-ġlieda diversi plejers u uffiċjali b’wieħed partikolari ta’ Gżira jidher imur b’salt fid-direzzjoni ta’ Petrucci u jfajjarlu daqqa ta’ ponn. Diversi nies fil-Basketball li tkellmu ma’ TVM Sport identifikaw lil persuna li ta d-daqqa ta’ ponn bħala Joseph Xuereb li kien fuq il-bank ta’ Gżira bħala uffiċjal.

Kien hemm li diversi plejers anke ta’ Gżira stess li ntervjenew u kkontrollaw is-sitwazzjoni anke bl-għajuna tar-referees li kienu għadhom fuq il-court.

Nicolo` Petrucci hu t-tifel tal-President tal-Federazzjoni Italiana Basket Gianni Petrucci li ftit tal-jiem ilu reġa’ ġie konfermat fil-kariga għall-erba’ snin li ġejjien. Gianni Petrucci fil-passat okkupa l-kariga wkoll ta’ President tal-CONI l-Kumitat Olimpiki taljan bejn l-1999 u l-2103. Ibnu Nicolo` ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar erba’ snin.

Il-Malta Basketball Association se tkun qed tanaliżża r-rapport tar-referees fuq dan l-inċident u mistennija tressaq lill-individwi għad-dixxiplina.

TVM Sport hu infurmat li l-Kummissarju tad-Dixxiplina li mistenni jisma’ dan il-każ il-ġimgħa d-dieħla hu Leonard Falzon.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.