Basketball
Basketball: Malta tegħleb lil San Marino fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej

It-tim Nazzjonali Malti tal-Basketball beda d-difiża tiegħu tal-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjizi Żgħar Ewropej meta kiseb rebħa tajba kontra San Marino.
Fin-National Sports Centre ta’ Dublin, il-Maltin rebħu bl-iskor ta’ 96-65 fejn sal-intervall il-Maltin kienu 52-42 minn fuq.
Immexxija mill-coach Taljan, Andrea Peccarie, it-tim Malti ddomina l-partita, wara li fetaħ vantaġġ tajjeb sa tmiem l-ewwel taqsima.
B’taħlita ta’ esperjenza u demm żagħżugħ, fejn xejn anqas minn erba’ players Maltin għamlu d-debutt taghhom mat-tim nazzjonali, l-aħjar skorers Maltin kienu l-aħwa Aaron u Tevin Falzon, li jilagħbu fi Franza u l-Italja rispettivament. Aaron tella 32 punt, inkluzi ħames trippli, u Tevin spiċċa b’20 punt. Kien hemm ukoll Kurt Cassar, li jilgħab wkoll fl-Italja, li kellu 16 il-punt.
Il-Maltin jilagħbu t-tieni logħba tagħhom għada, kontra Gibilta, imbagħad il-Ġimgha jiltaqghu kontra Andorra u bl-aħħar logħba taghhom hija kontra t-tim ospitu tal-Irlanda.
Il-logħob qed isir fuq bażi ta’ kampjonat, bit-timijiet kollha jilagħbu erba’ partiti kontra xulxin.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'