Basketball
Basketball tan-nisa: Kollox jinsab lest għall-ewwel finali bejn Gżira Athleta u Cafe Moak Luxol

Għada tintlagħab l-ewwel partita minn ħamsa tal-Mapfre MSV Life League Cup tal-basketball bejn Gzira Athleta u Cafe Moak Luxol. Il-Malta Basketball Association, dalgħodu, organizzat konferenza stampa biex tagħti l-aħħar dettalji dwar din il-finali u t-tħejjijiet għaliha.

Paul Sultana, President tal-MBA, fetaħ il-konferenza billi rringrazzja lil dawk kollha li qed jgħinu biex il-logħba tal-basketball f’pajjiżna tkompli tikber. Sultana sostna li l-livell tal-aqwa timijiet huwa prattikament l-istess u wieħed diffiċli jbassar min se joħroġ rebbieħ minn din il-finali tan-nisa. Il-President tal-MBA qal li l-kampjonat ta’ dan l-istaġun kien wieħed bilanċjat u l-logħob kien dejjem jintlagħab sal-aħħar sekonda.

Fil-konferenza stampa li saret fil-Padiljun tal-basketball, f’Ta’ Qali, tkellmu wkoll Michael Galea, Chief Officer ta’ MSV Life, fejn sostna li hu ta’ pjaċir kbir għalih u għall-kumpanija li qed jirrappreżenta li jkomplu jgħinu f’dan l-isport tant popolari f’pajjiżna. Galea sostna li MSV Life ilha snin tgħin lill-basketball f’pajjiżna u għal dawn l-aħħar sentejn tgħin il-basketball tan-nisa.

Dr Clarence Busuttil, President ta’ Gzira Athleta, qal li l-basketball hu sports ewlieni f’pajjiżna u ħa l-opportunità biex jirringrazzja lill-President Sultana tal-għajnuna li dejjem ta lill-klabb tiegħu. Hu qal li din il-finali se tkun waħda missielta għall-aħħar li fiha ma jara l-ebda favorit u għalaq billi awgura liż-żewġ timnijiet u qal li jħossu kunfidenti li din is-sena se tkun verament is-sena tagħhom.

Santino Coppa, kowċ ta’ Cafe Moak Luxol, beda billi rringrazzja lill-Maltin li minkejja kien telaq minn pajjiżna baqgħu jagħmlu kuntatt miegħu sakemm waslet it-telefonata mill-klabb ta’ Luxol biex jirritorna f’Malta. Hu sostna li jinsab onorat li qed imexxi tim ta’ plejers kważi professjonisti u rringrazzja plejers bħal Mandy Mercieca, captain ta’ Luxol, li kienet irtirat mil-logħba u reġgħet irritornat hekk kif tkellem magħha sabiex tgħin lit-tim ikollu staġun ta’ suċċess.

Min-naħa tagħha, Mandy Mercieca qalet li l-plejers ta’ Luxol ilhom flimkien għal dawn l-aħħar seba’ snin u l-atmosfera tat-tim hi waħda aktar ta’ familja u għaqda. Mercieca qalet li dan jista’ jkun mument tajjeb biex bħala tim wieħed jirbħu dan l-unur f’din il-finali li fl-opinjoni tagħha se tkun ibbilanċjata ħafna.

Amelia Simons, il-plejer Amerikana ta’ Gzira Athleta, qalet li qed tħares b’ottimiżmu lejn dawn il-partiti ta’ din il-finali. Simons qalet li ma tara l-ebda favorit bejn iż-żewġ naħat filwaqt li awgurat li l-aħjar tim jirbaħ dan l-unur prestiġġjuż.

L-ewwel partita ta’ għada tintlagħab fil-Padiljun ta’ Ta’ Qali u tibda fis-7.30pm.

Miktub minn...
TVM Sport