Basketball
Baskitbol – It-timijiet Maltin fil-Kampjonati Ewropej tal-Pajjiżi ż-Żgħar din il-ġimgħa

Matul il-ġimgħa li ġejja, it-timijiet nazzjonali tal-Baskitbol Maltin se jkunu fl-azzjoni meta se jikkompetu fil-Kampjonati Ewropej tal-Pajjiżi ż-Żgħar organizzati mill-FIBA. Dan il-logħob se jintlagħab f’San Marino u l-Irlanda bejn nhar it-Tlieta 26 ta’ Ġunju u l-Ħadd 1 ta’ Lulju.

It-tim tal-irġiel, taħt it-tmexxija tal-kowċ Andrea Paccarie se jmorru San Marino fejn seba’ pajjiżi differenti se jkunu qegħdin jikkompetu kontra xulxin. Malta tinsab fi Grupp B flimkien mal-Andorra u l-Irlanda. Fi Grupp A hemm it-timijiet ta’ San Marino, in-Norveġja, Ġibilta’ u l-Moldova.

It-tim tan-nisa min-naħa l-oħra se jivvjaġġa sa Cork, fl-Irlanda, fejn hemmhekk se jkunu qegħdin jiddefendu l-midalja tad-deheb li rebħu sentejn ilu. It-tim jinsab taħt it-tmexxija tal-kowċ Enrico Gilardi. Il-Maltin jinsabu fi Grupp A flimkien mad-Danimarka, il-Moldova u Ġibilta’. Fi Grupp B hemm it-timijiet tal-Lussemburgu, Ċipru, in-Norveġja u l-Irlanda.

Il-logħob se jkun kif ġej għall-irġiel:

Malta – Andorra (it-Tlieta 26 ta’ Ġunju fl-4:30pm)

Malta – Irlanda (l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju fit-3pm)

u għan-nisa:

Malta – Danimarka (it-Tlieta 26 ta’ Ġunju fit-2:45pm)

Malta – Moldova (l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju fid-9:30pm)

Malta – Ġibilta’ (il-Ħamis 28 ta’ Ġunju fid-9:30pm)

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA