Basketball
Bernard Vassallo jieqaf mir-refereeing internazzjonali wara 496 logħba minħabba li laħaq l-età massima

Ir-referee tal-Basketball Bernard Vassallo kellu jieqaf mir-refereeing internazzjonali wara li laħaq l-età massima ta’ 50 sena. Fil-basketball, referee ma jistax jikkontrolla aktar logħob internazzjonali jekk ikollu aktar minn 50 sena, età li Vassallo laħaqha f’Diċembru li għadda u allura seta’ jibqa’ jikkontrolla l-logħob sal-aħħar t’Awwissu ta’ din is-sena.

F’post fuq il-paġna personali tiegħu ta’ Facebook, Vassallo elenka l-ħamsa u għoxrin sena li matulhom ikkontrolla 496 logħba internazzjonali. Jidher li Bernard Vassallo kien qed jistenna proprju din il-ġimgħa li matulha kellu jieqaf mir-refeering tal-FIBA, imma kien qed jittama wkoll li jkun ikkontrolla ħames mitt logħba internazzjonali.

Sfortunatament għal Vassallo, lejlet li kien ser jitlaq biex jikkontrolla l-aħħar Kampjonati Internazzjonali tiegħu, kellu joqgħod kwarantina mandatorja, f’dik li ddeskriva bħala apatija, riġidità u imprattikabbilità, li tellfitu milli jgawdi l-emozzjoni tal-kontroll tal-aħħar logħba fil-livell internazzjonali.

Bernard Vassallo kien plejer tal-basketball sal-1992, biss kellu jieqaf minħabba injury. Meta wera x-xewqa li jsir referee tal-isport li tant kien iħobb, l-Assoċjazzjoni tar-Referees Lokali opponiet l-idea tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball Joey Farrugia, li Vassallo jkun referee, biss fl-aħħar mill-aħħar huwa rnexxilu jakkwista dak li xtaq.

Fil-karriera tiegħu Bernard Vassallo kkontrolla numru ta’ logħob ta’ prestiġju bħal: 2 Eurobasket EBW, finali tal-Euroleague ELW 8, logħob għall-midalja tal-bronż fil-livell ta’ Diviżjoni A tal-U18 u l-U20, u l-logħba għall-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Commonwealth fost l-oħrajn.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA