Tennis
Berrettini u Murray eliminati mill-Open t’Indian Wells filwaqt li Fritz, Tsitsipas u Zverev jgħaddu għar-Round tas-16

Fl-Open t’Indian Wells, l-Amerikan Taylor Fritz ħasad lis-seed numru ħamsa Matteo Berrettini meta rebaħlu f’żewġ sets 6-4, 6-3. Fritz ser jaffaċċja Taljan ieħor fir-Round tas-16, din id-darba lil Jannik Sinner li min-naħa tiegħu ħa walk-over fuq John Isner.

Ir-Russu Karen Khachanov ukoll għamilha għar-Round tas-16 b’rebħa fuq Pablo Careno Busta 6-0, 6-4.

Daqqa ta’ ħarta għal Andy Murray li safa eliminat bit-telfa kontra Alexander Zverev. Din kienet l-ewwel darba li l-Ġermaniż għeleb lill-Brittaniku. Huwa rebaħlu f’żewġ sets 6-4, 7-6. B’hekk Alexander Zverev jista’ jiftaħar li fil-karriera tiegħu għeleb lil Murray, Roger Federer, Novak Djokovic u Rafael Nadal, uħud mill-aqwa tennisti fl-aħħar snin.

Fir-Round tas-16 Alexander Zverev ser jaffaċċja lil Gael Monfils li elimina lil Kevin Anderson tal-Afrika t’Isfel f’żewġ sets, 7-5, 6-2.

Eliminat ukoll it-Taljan Fabio Fognini li tilef kontra l-Grieg Stefanos Tsitsipas fi tliet sets.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA