Betting: Barranin jagħmluha ta’ data collectors waqt logħbiet tat-2 Diviżjoni

RAPPORT SANDRO MICALLEF

Żewġ persuni barranin li n-nazzjonalita’ tagħhom għadha mhiex magħrufa u persuna maltija, inqabdu minn uffiċjali tal-MFA jagħmluha ta’ Data Collectors waqt logħbiet tat-Tieni Diviżjoni li kienu qed ikunu offruti għal logħob inkluż live betting fuq is-sit tal-kumpanija internazzjonali magħruf bet365.com.

Din hi l-ewwel darba li siti tal-betting internazzjonali qedgħin joffru betting online anke live betting għal-logħbiet tat-Tieni Diviżjoni fil-futbol Malti. Dawn l-offerti ta’ logħob online qajjmu diskussjoni taħraq fuq diversi mezzi soċjali f’dawn l-aħħar jiem mid-dilettanti tal-futbol lokali.

Fil-Kunsill tal-MFA li kien l-aħħar wieħed tas-sena 2015 is-Segretarju Ġenerali Bjorn Vassallo spjega li sfortunatament waslu rapporti wkoll lill-MFA li kien hemm anke logħbiet tal-kampjonat tan-Nisa u anke logħbiet tal-Youths li qed ikunu offruti online.

Is-Segretrju Ġenerali fakkar li l-MFA permezz tal-MGA waqqfet casinos lokali milli joffru imħari mill-mekaniżmu tagħhom fuq il-futbol Malti.

L-MFA permezz tal-Viċi President Chris Bonnet għamilha ċara li l-uniċi persuni li huma awtorizzati li jiġbru data waqt il-logħba huma dawk l-iscouts impjegati mal-kumpanija Sportradar li għandha kuntratt esklussiv mal-MFA għal dan it-tip ta’ servizz. Il-kuntratt ma’ Sportradar ikopri biss logħbiet tal-Premier u tal-Ewwel Diviżjoni.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.