Futbol lokali
BIL-FILMAT: Carmel Busuttil jibqa’ leġġenda…mistieden speċjali tal-klabb Belġjan, KRC Genk

Carmel Busuttil, l-ex plejer internazzjonali Malti li lagħab karriera barra minn Malta, hu l-mistieden speċjali ta’ KRC Genk, il-klabb Belġjan li miegħu lagħab fl-aqwa tal-karriera tiegħu.

TVM Sport jinsab infurmat li fil-jiem li għaddew, Busuttil telaq lejn il-Belġju wara stedina li kien irċieva mill-klabb li se jkun qed jiċċelebra it-30 sena anniversarju s-Sibt li ġej.

Ikkuntattjat minn TVM Sport, Busuttil qal: “Okkażjoni mill-isbaħ u ta’ unur kbir għalija. Għaddew tant snin u baqgħu jirrispettawni. Xi ħaġa sabiħa ħafna li wara tant snin bniedem tibqa’ tirrikonoxxieh għal dak li għamel.”

KRC Genk qed jiċċelebraw l-anniversarju ta’ meta l-klabbs rivali eterni fil-futbol Belġjan, FC Winterslag u K. Waterschei S.V. Thor Genk, ingħaqdu u saru jisimhom KRC Genk. Għal din l-okkażjoni, il-klabb stieden diversi plejers u protagonisti li kellhom x’jaqsmu mal-klabb f’dawn l-aħħar snin, iżda jidher li Busuttil baqa’ l-aktar idolu popolari mal-partitarji tagħhom u mal-futbol Belġjan.

‘Il-Bużu’ mistenni jagħmel il-kick-off tal-partita mill-kampjonat Belġjan bejn KRC Genk u Charleroi li se tintlagħab is-Sibt li ġej fis-6.00pm fil-Cristal Arena, ta’ Genk. Busuttil lagħab ma’ KRC Genk għal sitt staġuni, bejn l-1988 u l-1994 u f’dawn is-snin, minkejja li kien anki l-captain tal-iskwadra, kien anki tliet snin top scorer tal-klabb.

Il-partitarji, wara li kien telaq, kienu anki għamlulu ‘fan club’, biex jibqgħu jonorawh. Busuttil lagħab 153 partita ma’ KRC Genk u fihom skorja 57 gowl.

Carmel Busuttil jibqa’ wieħed mill-aqwa plejers li qatt ħarġu minn Malta. Hu twieled fit-29 ta’ Frar 1964 u llum għandu 53 sena. Hu beda l-karriera tiegħu ma’ Rabat Ajax bejn l-1979 u l-1987. Magħhom lagħab 106 partiti u skorja 47 gowl.  Fl-istaġun 1987/88, Busuttil lagħab 20 partita fl-Italja ma’ Verbania u skorja 8 gowls. Meta ġie lura mill-Belġju, hu lagħab 191 partita ma’ Sliema Wanderers bejn l-1994 u 2001 u magħhom skurja 78 gowl.

Carmel Busuttil lagħab ukoll 111-il partita ma’ Malta u fihom skorja 23 gowl. Hu kien l-aqwa skorer ta’ kull żmien tat-tim nazzjonali Malti, qabel ma’ Michael Mifsud, captain preżenti tat-tim nazzjonali Malti, irnexxielhu jaqbżu għal total s’issa ta’ 40 gowl. Busuttil għamel ukoll perjodu assistant kowċ tat-tim nazzjonali Malti bejn l-2007 u l-2010.

Carmel Busuttil lagħab f’dak li ħafna jsejħulu l-aqwa tim nazzjonali Malti fl-Istorja, tas-Snin ’80 taħt it-tmexxija ta’ Pippo Psaila. F’dik l-iskwadra, hu kellu miegħu plejers bħal Raymond Vella, John Buttigieg, Joe Brincat, Martin Gregory, Charlie Scerri, Joe Galea, Kristian Laferla, Nicky Saliba, Silvio Vella, Michael Degiorgio, David Carabott, Alex Azzopardi, Reggie Cini u l-mibki David Cluett. B’dan it-tim, Malta kien irnexxielha tirreġistra l-aqwa post fir-rankings tal-FIFA ta’ kull żmien meta fl-1993, tlajna sas-66 post.

Il-filmat ma’ din l-istorja dwar Carmel Busuttil qed jintuża mill-klabb ta’ KRC Genk biex jagħmlu l-promozzjoni għall-okkażjoni tat-30 sena anniversarju s-Sibt li ġej. Fih jidher Busuttil u martu Julie mal-wasla tagħhom fl-ajruport ta’ Brussell fil-Belġju, jintlaqa’ mis-sidien tal-klabb KRC Genk u mill-ġurnalisti.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20 Mosta………1 Birkirkara..1 B’Kara FC baqgħu bla rebħa wara 4 logħbiet meta ġew miżmuma fi dro ta’ 1-1 minn Mosta FC. Wara 6 minuti logħob xutt ta’…

Futbol lokali

Bejn illejla u nhar il-Ħadd li ġej tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. S’issa, it-tim promoss ta’ Sirens flimkien ma’ Senglea A. u Floriana jinsabu fil-quċċata tal-klassifika, kollha b’7 punti,…

Futbol lokali

Emmanuel Bartolo, gowlkiper ta’ Hamrun Spartans u Destin Mambouana, plejer ta’ Tarxien Rainbows, ġew sospiżi partita mill-Kummissarju tad-Dixxipplina tal-Malta Football Association. Iż-żewġ plejers iridu jiskontaw il-partita li jmiss mill-Kampjonat BOV…

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20 VALLETTA FC……….1 FLORIANA FC………1 Quddiem folla ta’ madwar 3,800 spettatur ir-rivali Valletta u Floriana ħadu punt kull wieħed hekk kif il-Beltin ġabu l-goal tad-draw fl-aħħar sekondi…

Aktar