Futbol lokali
BIL-FILMAT: Carmel Busuttil jitkellem dwar il-‘Mundu’ 25 sena wara l-gowl tar-rebħa kontra l-Belġju: “Dak il-gowl skurjajtu bis-saħħa tiegħu. Raymond l-aqwa plejer li qatt rajt. Kien aqwa minni”

Ħamsa u għoxrin sena wara r-rebħa storika ta’ Malta kontra l-Belġju fl-istadium nazzjonali f’Ta’Qali bl-iskor ta’ 1-0, Carmel Busuttil tkellem pubblikament għall-ewwel darba u ammetta li Raymond Vella, ‘il-Mundu’, kien l-aqwa plejer li qatt lagħab miegħu u plejer aqwa minnu. Malta kienet għelbet lil Belġju bi skor ta’ 1-0, f’partita ta’ ħbiberija, b’gowl ta’ Carmel Busuttil fil-35 minuta.

Din l-aħbar ħarġet ilbieraħ filgħaxija fil-programm OFFSIDE fuq TVM2 fejn wieħed mill-mistiedna kien John Busuttil, ex ġurnalist sportiv, li jiġi ħu Carmel Busuttil.

TVM Sport għamel kuntatt ma’ Carmel Busuttil, li min-naħa tiegħu kkonferma: “Raymond kellu xi ħaġa speċjali. Bl-intelliġenza li kellu seta’ jilgħab faċilment fl-aqwa kampjonati Ewropej tal-għola livelli tal-futbol. Dak il-gowl skurjajtu bis-saħħa ta’ Raymond. Il-‘Mundu’ l-aqwa plejer li qatt rajt. Kien aqwa minni,” qal il-‘Bużu’.

Mistoqsi għadhomx ħbieb u għadhomx jiltaqgħu, Carmel qal: “Iva, niltaqgħu ta’ sikwiet. Ftit tal-ġimgħat ilu kellna ikla bejnietna l-plejers.”

Carmel Busuttil tfakkar f’gazzetta Belġjana s-Sibt li għadda, eżattament 25 sena wara r-rebħa ta’ Malta.

Mistoqsi dwar din il-partita u l-gowl tiegħu, Carmel qal:

“Meta niftakar f’din il-partita jiġuni memorji sbieħ. Wara kelli naqbad l-istess ajruplan mat-tim nazzjonali Belġjan biex immur lura mal-klabb tiegħi. Għalija kienet speċjali wisq. Niftakar li kienet ukoll l-aħħar partita ta’ Raymond Vella bil-flokk ta’ Malta.”

Lejn l-aħħar tal-programm OFFSIDE tal-bieraħ filgħaxija, John Busuttil, tkellem dwar il-partita bejn Malta u l-Belġju, il-gowl ta’ ħuh u x’kien qallu darba fuq Raymond Vella, ‘il-Mundu’ u li dan kollu qed jiktbu fil-biografija ta’ ħajtu li se jippubblika fil-futur.

John qal: “Dik il-partita tibqa’ waħda mill-ikbar fl-Istorja tat-tim nazzjonali Malti u anki fil-memorja ta’ ħija. Niftakar li wara l-partita wassaltu jien l-ajruport u l-ikbar problema kienet li kellu jaqbad l-istess ajruplan tal-Belġjani peress li kien jilgħab hemm ma’ KRC Genk.”

Waqt li beda jiddiskuti l-gowl, John qal: “Il-pass tal-Mundu kien perfett. Ħa ngħid xi ħaġa li żgur ħadd qatt ma semgħa qabel. Ħija darba qalli li Raymond Vella kien aqwa minnhi. Qalli li plejer Malti bħall-‘Mundu’ qatt ma ra,” qal John Busuttil.

Filfatt din l-aħbar ikkonfermaha Carmel stess dalgħodu f’kuntatt ma’ TVM Sport.

It-tim nazzjonali Malti f’dik il-partita kien dan: 1 David Cluett (Floriana); 2 Silvio Vella (Rabat Ajax); 3 Richard Buhagiar (Floriana); 4 Joe Galea (Hamrun Spartans); 5 Joe Brincat (Hamrun Spartans); 6 John Buttigieg (Floriana); 7 Carmel Busuttil (KRC Genk); 8 Ray Vella (St Andrew’s); 9 Martin Gregory (Sliema Wdrs); 10 Kris Laferla (Valletta FC); 11 Nicky Saliba (Valletta FC).

Fl-istess partita, daħlu wkoll bħala sostituti l-plejers Hubert Suda, Michael Spiteri, David Carabott u Jesmond Delia.

Il-kowċ kien Pietro Ghedin u l-assistent tiegħu kien Robert Gatt.

Il-gowl ta’ Carmel Busuttil qiegħed fil-filmat hawn taħt.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Sitt klabbs tal-kampjonat BOV Premier ingħataw il-liċenzja tal-UEFA li biha jistgħu jikkompetu fl-istaġun li ġej. Dawn il-klabbs huma Balzan, Floriana, Gżira United, Hibernians, Sirens u Valletta. Dawn il-liċenzji ngħataw wara…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association, fi stqarrija, uriet solidarjetà mal-gowlkiper nazzjonali Rashed Al-Tumi li fl-aħħar sigħat sofra minn kummenti ta’ razziżmu fuq il-media soċjali. L-MFA qalet li l-kummenti li nkitbu saru minn…

Futbol lokali

L-ex plejer internazzjonali Malti Andre’ Schembri nħatar kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Apollon Limassol. Apollon Limassol hu t-tim li Schembri lagħab miegħu bħala plejer professjonali f’Ċipru bejn l-2017…

Futbol lokali

Il-President ta’ Żejtun Corinthians Joe Gauci tkellem għall-ewwel darba ma’ TVM Sport min mindu l-Club tiegħu ġie uffiċjalment dikjarat Champion tal-ewwel diviżjoni għall-istaġun 2019/20 u b’hekk kien promoss ukoll għall-kampjonat…

Aktar