Futbol lokali
BIL-FILMAT: “Fil-futbol Malti hawn il-kultura li dejjem jinħbew ċerti affarijiet. Tridu tibdlu biex tagħtu l-kredibbiltà lill-futbol Malti” – Giovanni Tedesco

Giovanni Tedesco, kowċ ta’ Hamrun Spartans FC, fetħilha bil-kbir waqt il-programm OFFSIDE fuq TVM2, tal-bieraħ filgħaxija.

Il-kowċ tal-Ispartans intervjena fil-programm u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-partita mill-FA Trophy li ntlagħbet il-Ħadd li għadda kontra Birkirkara FC, li t-tim tiegħu tilef bi skor ta’ 2-1.

“Jekk ir-referees jibdew isafru penalties kif issaffar kontriena, il-partiti jibdew jispiċċaw 5-5. Il-gowls ta’ Birkirkara waslu minn rigal tagħna u minn penalty ivvintat. Tagħni fastidju mmens il-kontroll tar-referee. Kienet daħka fil-wiċċ għal 45 minuta,” qal Tedesco.

Hamrun Spartans FC qed jilmentaw bil-kbir dwar il-kontroll tar-referee Glen Tonna li saffar penalty dubjuż lil Birkirkara FC lejn nofs it-tieni taqsima. Dak kellu jkun il-gowl tar-rebħa li ħa lil Birkirkara FC fil-kwarti tal-finali tal-kompetizzjoni.

“Kif spiċċat il-partita, ir-referee mar fuq Triston Caruana u b’mod sarkastiku qallu li issa nistgħu mmorru fuq it-televiżjoni nilmentaw mid-deċiżjonijiet li ħa. Dan ma naċċettaħx. Nitlob rispett fil-konfront tal-Hamrun,” kompla l-kowċ ta’ Hamrun Spartans.

Tedesco sostna li l-livell tal-futbol Malti għola ħafna fl-aħħar snin iżda issa jrid isir xi ħaġa biex dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru. Il-kowċ ta’ Hamrun reġa’ ġab eżempju bl-inċident li qam lejn l-aħħar tal-partita kontra Gżira United FC fejn kif il-Maroons ġabu d-draw mad-90 minuta, Justin Haber bies ir-referee Trustin Farrugia Cann.

“M’għandix dubju li Haber għamel hekk mingħajr ebda intenzjoni ħażina. Imma xi ħaġa hekk fil-futbol ma ssirx. Jien lgħabt 20 sena fis-Serie A u qatt ma bist referees. Haber kellu jiġi muri karta safra, jew ħamra jew jaħel multa. Fil-futbol Malti hawn il-kultura li dejjem jinħbew ċerti affarijiet. Tridu tibdlu biex tagħtu kredibbiltà lill-futbol Malti,” qal Tedesco.

L-ex plejer ta’ Fiorentina, Perugia, Genoa u Palermo, fost l-oħrajn, qal li wsiq probabbli hu se jkun qed jaħel xi ħames jew sitt partiti sospensjoni fuq il-mod kif protesta mar-referee wara l-partita iżda b’ton agressiv qal ukoll li meta jidħol lura, jekk jerġa’ jara dawn l-affarijiet, se jerġa’ jagħmel l-istess.

“L-affarijiet li m’humiex korretti jdejquni. Biex tagħtu kredibbiltà lill-futbol Malti jrid isir xi ħaġa. Dan hu l-uniku nazzjon tal-futbol fid-dinja fejn qabel il-partita ma ssirx laqgħa bejn iż-żewġ timijiet u r-referees. Kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.

“Birkirkara meta ma riedux lil Tedesco bagħtuh id-dar. Hemm bżonn il-kuraġġ biex tbiddlu l-affarijiet,” qal Tedesco.

Giovanni Tedesco kien inġib f’Malta minn Floriana FC u f’Malta kkowċja wkoll lil Birkirkara FC.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

FUTBOL LOKALI Gżira United ippreżentaw l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ filgħaxija f’post tad-divertiment f’Tas-Sliema. Il-Maroons, li spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika kemm fl-istaġun li għadda…

Futbol lokali

Sliema Wanderers ħabbru li akkwistaw lill-plejer mill-Arġentina Juan Cruz Gill. Id-difensur, li għandu wkoll ċittadinanza Taljana, lagħab f’pajjiżna ma’ Valletta u Tarxien Rainbows. Fil-passat, Crus Gill lagħab fil-Premier Division fl-Arġentina…

Futbol lokali

Federico Falcone, l-ex plejer ta’ Valletta FC, mil-lum sar plejer ta’ Birkirkara. Falcone ffirma kuntratt ta’ sentejn. B’dan l-akkwist, Birkirkara se jkomplu jsaħħu l-iskwadra fit-tentattiv li jirbħu l-kampjonat fl-istaġun li…

Futbol lokali

San Ġwann baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika ta’ The Convenience Summer Cup 2019 hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata ta’ dan it-turnament annwali ta’ qabel l-istaġun. It-tim immexxi minn Jean Paul…

Aktar