Futbol internazzjonali
Birkirkara jgħaddu għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League wara draw ma’ La Fiorita

L-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni

La Fiorita  1-1  Birkirkara (agg. 1-2)

Birkirkara għaddew għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League meta ġew draw kontra La Fiorita 1-1 u għaddew b’aggregate ta’ 2-1.

L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet mill-Karkariżi meta fl-10 minuta Yankam ittanta xutt li iżda kien milqugħ minn Vivan. Fl-20 minuta Vivan reġa’ kien imsejjaħ fl-azzjoni meta kellu jilqa’ fuq Montebello u sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor baqa’ 0-0.

Fit-tieni taqsima La Fiorita ppruvaw jieħdu xi ftit aktar l-inizjattiva u fit-53 minuta l-goalkeeper Karkariż laqa’ fuq it-tentattiv ta’ Rinaldi. U ftit tas-sekondi wara Birkirkara marru minn fuq. Kien Yankam li pprovda l-assist lejn Luke Montebello li ma żbaljax u tefa’ fix-xibka għal 1-0. Birkirkara ma damux igawdu l-vantaġġ wisq għax fis-56 minuta La Fiorita ġabu l-iskor indaqs. Kien il-freekick ta’ Amati li wasal għand Roberto Di Maio li minn taħt Fernandes ma żbaljax u għamilhom 1-1.

Fit-73 minuta ċans ieħor għal Birkirkara meta Venancio pprova lejn il-lasti avversarji u l-istess plejer reġa’ kellu xutt ieħor milqugħ mill-goalkeeper żewġ minuti wara. Fil-81 minuta kienu La Fiorita li resqu viċin iżda l-ballun ta’ Di Maio ma nkwetax daqshekk lil Fernandes. U fl-aħħar minuti tal-logħba l-Karkariżi kkontrollaw tajjeb lill-avversarji biex żammew il-gowl vantaġġ u għaddew għall-fażi li jmiss.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA