Futbol internazzjonali
Birkirkara u Gżira United impenjati fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League

Aktar tard illum ikunu fl-azzjoni żewġ timijiet Maltin fil-UEFA Europa Conference League.

18:00  Olimpija Ljubljana – Birkirkara (TVM)

Birkirkara jinsabu l-Islovenja biex jaffaċċjaw lil Olimpija Ljubljana, fl-ewwel leg tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni. Il-Karkariżi waslu sa din il-fażi wara li fl-ewwel rawnd għelbu lil La Fiorita ta’ San Marino b’aggregate ta’ 2-1. Min-naħa tagħhom, Ljubljana daħlu fil-kompetizzjoni issa, bit-tieni leg ta’ dan il-konfront jintlagħab il-ġimgħa li ġejja fis-Centenary Stadium.

Il-logħba bejn Olimpija Ljubljana u Birkirkara ser tintwera dirett fuq TVM fis-18:00.

 

19:00  Gżira United – Rijeka (TVM2)

Fl-azzjoni wkoll Gżira United li fis-Centenary Stadium ser jiltaqgħu kontra l-Kroati ta’ Rijeka. Il-Maroons waslu sa din il-fażi b’rebħa fuq Sant Julia t’Andorra bl-għoti tal-penalties, u issa ser jaffaċċjaw oppożizzjoni pjuttost iebsa. Għal Rijeka din hija l-ewwel logħba fil-UEFA Europa Conference League f’dan l-istaġun, biss ħamest ijiem ilu bdew jilagħbu fil-kampjonat u ħarġu rebbieħa fl-ewwel logħba. It-tieni leg jintlagħab bħal-lum ġimgħa fil-Kroazja.

Il-logħba bejn Gżira United u Rijeka ser tintwera diretta fuq TVM2 fis-19:00.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA