Futbol lokali
Bjorn Vassallo jista’ jikkontesta għall-Eżekuttiv tal-UEFA jew għall-Kunsill tal-FIFA; intervistat f’OFFSIDE, illejla fuq TVM2 fid-20.45

Bjorn Vassallo, il-President tal-Malta Football Association, jinsab imħajjar sew li jikkontesta għall-kariga fi ħdan l-Eżekuttiv tal-UEFA jew fil-Kunsill tal-FIFA.

Vassallo qal dan f’intervista esklussiva li ta fil-programm OFFSIDE li jixxandar illejla fid-20.45 fuq TVM2.

Meta mistoqsi dwar dan, Vassallo qal li diġà kellu laqgħat mal-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin u mal-President tal-FIFA, Gianni Infantino.

Il-President Vassallo stqarr li l-fatt li ġej minn pajjiż żgħir mhux se tkun problema, ġaladarba hu kien magħżul biex jaħdem fl-irwol ta’ Direttur fil-FIFA u li kulħadd kien jaf li ġej minn pajjiż zgħir.

Hu sigriet magħruf li bejn Vassallo u Infantino teżisti relazzjoni mill-aqwa u dan wassal biex bena ħbiberiji importanti fil-futbol internazzjonali.

L-uniku u l-aħħar Malti li kien jokkupa kariga fl-Eżekuttiv tal-UEFA u tal-FIFA kien l-Avukat Joe Mifsud li temm dawn il-karigi u l-presidenza tiegħu fl-MFA lura fl-2010.

Bjorn Vassallo kien irritorna lura f’Malta matul is-sena li għaddiet u nħatar President tal-MFA f’Lulju 2019.

Miktub minn...
TVM Sport