Sport Lokali
Boċċi: CJ Saliba huwa l-President il-ġdid tal-FKB wara li Giovann Fabri jirtira l-kandidatura

CJ Saliba huwa l-President il-ġdid tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi. Hu kien konfermat fil-kariga għat-tliet snin li ġejjin sas-sena 2023 wara li l-President preċedenti Giovann Fabri rtira l-kandidatura tiegħu kemm għall-kariga ta’ President u anke rtira n-nominazzjoni l-oħra li kien għamel għall-membru tal-Kunsill.

CJ Saliba inħatar b’hekk bħala President fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi liema laqgħa saret il-bieraħ fil-klabb ta’ Santa Lucija.

Il-Kunsill tal-Federazzjoni se jkun iffurmat hekk:

President tal-Federazzjoni Clinton John Saliba. Segretarju Ġenerali konfermat Antoine Grech u bħala Teżorier ġie maħtur Raymond Azzopardi.

Il-membri l-oħra fil-kunsill se jkunu; Harold Galea, Demis Micallef, Alfred Pulis, Paddy Borg, John Borg, Stephen Buhagiar u Philip Gatt b’dan tal-aħħar kien coopted mill-membri preżenti waqt il-Laqgħa Ġenerali.

Fil-laqgħa annwali ttieħdu żewġ voti importanti dik dwar jekk hux se jsir il-kampjonat 2021 fejn kien hemm 16 -il klabb favur u 12 il-klabb kontra. Wara votazjoni oħra sar magħruf li l-kampjonat se jkun b’format ta’ żewġ rounds.

Il-Logħob tal-kampjonati se jibdew ikunu skedati  għal kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis bit-tliet diviżjonijiet kollha f’daqqa.

Il-kampjonat tar-Reserves se jintlgħab fuq round wieħed kull nhar ta’ Ġimgha għall-din is-sena biss. Il-kompetizzjoni tat-Tazza tal-Anġlu se ssir ukoll.

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.