Regatta
Regatta: Bormla jiddominaw iż-żewġ kategoriji u jirbħu x-Shield għall-20 darba fl-istorja tagħhom

Bormla rebħu x-Shield tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja 2019 għall-għoxrin darba fl-istorja tagħhom. Dan is-suċċess wasal wara li huma rebħu l-ħames tiġrijiet tal-kategorija Open fejn tellgħu total ta’ 88 punt. Huma rebħu wkoll il-kategorija B b’total ta’ 64 punt.

Fil-kategorija Open fit-tieni post ikklassifikaw Marsamxett u l-Isla bi 28 punt kull wieħed. Segwew B’Buġa b’20 punt u l-Marsa bi 8 punti.

Fil-Kategorija B wara Bormla kklassifikaw il-Marsa bi 42 punt segwiti mill-Isla b’36 punt u B’Buġa bi 12 -il punt. Fil-kategorija Open, Bormla rebħu l-ħames paljijiet tal-ewwel fit-tiġrijiet kollha tal-Open jiġifieri tal-midalji, frejgatini, tal-pass b’żewġt imqadef, kajikki u tal-pass b’erbat imqadef.

Fil-kategorija B, Bormla daħlu t-tieni f’Tal-pass b’żewgt imqadef, l-ewwel f’tal-Midalji, t-tieni fil-frejgatina u l-ewwel f’ta b’erbat imqadef fejn ma kklassifikawx biss mal-ewwel tlieta fit-tiġrija tal-kajikki.

Fil-kategorija Open l-unuri għal Bormla waslu mill-qaddiefa Kyrian Zammit, Clive Casha, Clayton Darmanin, Jurgen Camilleri, George Frendo, Dennis Thornton, Maximillian Mamo u Romario Brignone. Clive Casha u Denis Thornton bid-dgħajsa ta’ bi tnejn mhux biss ħadu l-palju tal-ewwel b’distakk notevoli fuq Marsamxett iżda rreġistraw is-sittax ir-rebħa konsekuttiva fid-dgħajsa ta’ bi tnejn bejn Regatti mirbuħa mal-Marsa u ma’ Bormla konsekuttivi.

Fit-tiġrija tal-frejgatina tan-nisa kienu l-Birgu li rebħu permezz tal-qaddiefa Glynnis Mizzi u Rachell Gilanze b’dawn tal-aħħar ħadu sehem ukoll b’sorpriża fit-tiġrija numru 7 dik tal-frejgatini kategorija B hekk kif ir-regolamenti eżistenti ma jispeċikifawx li n-nisa ma jistgħux jipparteċipawx kontra l-irġiel.

Fi tmiem ir-Regatta saru l-preżentazzjonijiet taż-żewġ Shields lill-klabb ta’ Bormla mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żagħzagħ, sport u għaqdiet tal-volontarjat Clifton Grima.

Ir-Riżultati kollha Regatta Jum il-Virorja 2019

Tigrija Frejgatini Nisa

L-Ewwel Birgu f’ħin ta’ 7’52min, it-Tieni Marsa, it-Tielet Bormla.

Tiġrija Nru 1: Kategorija B – Dgħajjes Ċ tal-Pass b’Żewġt Imqadef

L-Ewwel Marsa f’ħin ta’ 6’10min, it-Tieni Bormla, it-Tielet Kalkara.

Tiġrija Nru 2: Kategorija Open – Dgħajjes A tal-Midalji

L-Ewwel Bormla f’ħin ta’ 4’53min, it-Tieni Birżebbuġa, it-Tielet Isla.

Tiġrija Nru 3: Kategorija B – Kajjikki

L-Ewwel  Senglea 6’47min,  It-Tieni Kalkara, it-Tielet Marsamxett

Tiġrija Nru 4: Kategorija Open – Frejgatini

L-Ewwel Bormla f’ħin ta’ 7’00 min, it-Tieni Isla, it-Tielet Birżebbuġa

Tiġrija Nru 5: Kategorija B – Tal-Midalji

L-Ewwel Bormla f’ħin ta’ 4’52, it-Tieni Isla, it-Tielet Marsa

Tiġrija Nru 6: Kategorija Open – Dgħajjes Ċ tal-Pass b’Żewġ Imqadef

L-Ewwel Bormla f’ħin ta’ 5’38min, it-Tieni Marsamxett, it-Tielet Isla

Tiġrija Nru 7: Kategorija B – Frejgatini

L-Ewwel  Birzebbuġa f’ħin ta’ 7’06min, it-Tieni Bormla, it-Tielet  Isla

Tiġrija Nru 8: Kategorija Open – Kajjikki

L-Ewwel  Bormla 6’23, It-Tieni  Marsa, it-Tielet Birzebbuga

Tiġrija Nru 9: Kategorija B – għajjes B Tal-Pass b’Erbat imqadef

L-Ewwel  Bormla f’ħin ta’ 5’43min, it-Tieni Marsa, it-Tielet Isla

Tiġrija Nru 10: Kategorija Open – Dgħajjes C tal-Pass b’Erbat Imqadef

L-Ewwel Bormla, it-Tieni  Marsamxett, it-Tielet Isla

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League
Aħbarijiet Oħra
Regatta

Bħal-lum ġimgħa festa publika fil-gżejjer Maltin fejn nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru tkun iċċelebrata l-Festa tal-Vitorja bl-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif ieħor torganizza edizzjoni oħra tar-Regatta. B’kollox din is-sena se…

Aktar