Formula 1
Bottas jirbaħ il-GP tat-Turkija

Valtteri Bottas fuq Mercedes rebaħ il-Grand Prix tat-Turkija wara li beda mill-Pole Position, filwaqt li Max Verstappen fuq Red Bull bis-saħħa tat-tieni post miksub, tela’ fl-ewwel post tal-klassifika b’vantaġġ ta’ sitt punti fuq Lewis Hamilton.

Iċ-champion tad-dinja Hamilton beda fil-11-il pożizzjoni wara penalita’ ta’ għaxar pożizzjonijiet u minkejja li rkupra diversi pożizzjonijiet seta’ biss jispiċċa fil-ħames post.

Wara Bottas u Verstappen, fit-tielet post spiċċa Sergio Perez fuq it-tieni Red Bull, filwaqt li Charles Leclerc fuq Ferrari kiseb ir-raba’ post.

Ir-rebħa ta’ Bottas kienet waħda faċli fejn temm b’vantaġġ ta’ 14-il sekonda fuq Verstappen, fi Grand Prix li sar f’kondizzjoni ta’ xita.

Issa fil-klassifika Max Verstappen għandu total ta’ 262.5 punt kontra l-256.5 punt ta’ Lewis Hamilton.

Fil-klassifika kostrutturi Mercedes għandhom 433.5 punt kontra t-397.5 ta’ Red Bull.

L-appuntament li jmiss fil-Formula 1 ikun fi żmien ħmistax bil-Grand Prix tal-Istati Uniti.

Miktub minn...
Chris Cassar