Futbol lokali
BOV Challenge League – Marsa jaċċertaw mill-punti fit-tkomplija tal-logħba kontra St. Andrew’s

St. Andrew’s ……………………… 1

Marsa ………………………………. 4

Marsa aċċertaw li ser jispiċċaw fl-ewwel post fi tmiem l-ewwel rawnd meta fit-tkomplija tal-logħba kontra St. Andrew’s huma ħarġu rebbieħa 4-1. Il-logħba oriġinarjament bdiet tintlagħab fit-28 ta’ Novembru u sat-62 minuta Marsa kienu fil-vantaġġ 2-0, b’gowls ta’ Lydon Micallef u Dylan Grima, kif ukoll kienu se jagħtu penalty.

Kien hawn li nqata’ d-dawl kważi f’Malta kollha u l-logħba kienet abbandunata. Il-logħba tkompliet propju mit-62 minuta u b’Jackson Lima li mill-11-il metru ma falliex b’xutt li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka, u l-logħba ma kienx baqa’ wisq storja fiha.

Ftit wara Marsa viċin ir-raba’ gowl bil-goalkeeper ta’ St. Andrew’s jimblokka x-xutt mil-viċin ta’ Coelho Confettura.  Fit-72 minuta f’azzjoni ta’ kontrattakk St. Andrew’s naqqsu l-iskor permezz ta’ Malcolm Vella Vidal li avanza waħdu u għeleb lil Vella.

Tliet minuti wara penalty ieħor favur Marsa meta De Azevedo twaqqa’ fil-kaxxa mill-goalkeeper tas-Saints Grima, u din id-darba kien Ian Zammit li skorja l-penalty b’xutt b’saħħtu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA