Futbol lokali
BOV Challenge League: Żball tal-goalkeeper Bormliż jagħti r-rebħa lil-Lions

BOV CHALLENGE LEAGUE 2021/22

St. George’s ………………. 0

Naxxar L. …………………… 1

Paprata tal-goalkeeper ta’ St. George’s kmieni fit-tieni taqsima wittiet it-triq għat-tieni rebħa konsekuttiva ta’ Naxxar Lions. Il-logħba kienet bilanċjata bil-Bormliżi juru l-aħjar ideat sakemm wasal il-gowl deċiżiv, iżda wara l-gowl kienu Naxxar li kellhom diversi ċansijiet fejn jagħlqu l-logħba.

L-ewwel periklu tal-logħba nħoloq minn St.George’s permezz ta’ Suemitsu li qassam lejn Ryan Cutajar li minn qagħda ideali xeħet inkredibilment barra bir-ras. Fil-25 minuta azzjoni oħra Bormliża u xutt ta’ Spiteri ftit barra.

Fl-40 minuta l-ewwel konklużjoni għal-lasta minn naħa ta’ Naxxar bi freekick ta’ Martins Leite salvat b’diffikulta minn Spiteri.

Tnax-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima Naxxar fetħu l-iskor bl-iktar mod mhux mistenni meta l-goalkeeper Bormliż ħarablu l-ballun minn idejh u Cerqueira Farias, li kien għadu kif daħal, skorja b’rovexxata.

St.George’s resqu qrib fis-66 minuta iżda x-xutt tas-sostitut Nomura kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Ryan Cassar. Tmien minuti mit-tmiem Naxxar setgħu għalqu l-logħba meta minn azzjoni ta’ freekick Kassekar għal darba darbtejn laqat sieq il-lasta mill-viċin.

Lejn it-tmiem xutt bomba ta’ Ellul stampa mal-mimduda.

St. George’s: A. Spiteri, J. Briffa, C. Brincat, I. Abela, R. Cutajar, G. Sultana, K. Suemitsu, R. Sammut, J. Spiteri, L. Chiedozie, Z. Bowman.

Naxxar L: O. Borg, A. Azzopardi, G. Martins Leite, M. Mifsud, J. Debono, R. Cassar, S. Saldanha, J. Ellul, D. Fenech, S. Meilak, D. Kassekar.

Referee: Stefan Pace

 

Miktub minn...
TVM Sport
.