Futbol lokali
BOV Premier: Balzan jiġu minn gowl minn taħt u jagħtu tlieta lis-Sliema W.

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19

Sliema W……1

Balzan……….3

Balzan kellhom jiġu minn gowl minn taħt biex fil-Hibernians Stadium għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-1. Għal Balzan din kienet is-seba’ rebħa tal-istaġun, biex b’hekk huma laħqu lill-istess Sliema bil-punti, 22.

Fit-12-il minuta l-freekick ta’ Muchardi għal Sliema impenja lil Sultana sabiex dawwar il-ballun f’korner. Fit-43 minuta Galea ta’ Sliema kien attent biex irnexxielu jtajjar ix-xutt devjat ta’ Da Paixao Alves, u mal-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari Cipriott ta’ Balzan resaq l-aktar viċin li jiftaħ l-iskor meta x-xutt tiegħu mid-distanza mesaħ mal-mimduda u spiċċa barra.

Mat-48 minuta deċiżjoni diskuttibli li fl-aħħar sarrfet fil-gowl tal-vantaġġ ta’ Sliema Wanderers meta Matias Muchardi mill-freekick spara ġewwa, bl-assistent referee l-ewwel ixejjer il-bandiera għal offside imma wara diskussjoni mar-referee, il-gowl ġie kkonvalidat biex il-Wanderers fetħu l-iskor. Id-dro ta’ Balzan wasal fid-69 minuta meta mill-korner id-difiża Slimiża m’għarfitx tikklerja, bil-ballun jispiċċa f’saqajn Alfred Effiong li b’xutt fil-baxx tefa’ fir-rokna tax-xibka għal 1-1. Fl-84 minuta Balzan marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ. Kien il-korner ta’ De Fiori Mendes li għal darb’oħra Sliema m’għarfux kif itajruh ′il bogħod, bil-ballun reġa’ spiċċa fil-kaxxa ż-żgħira Slimiża, u fl-aħħar Michael Johnson bir-ras tefa’ fix-xibka għal 2-1. Fid-90 minuta t-tim ta’ Balzan għalqu l-logħba meta f’kontrattakk Effiong għadda l-ballun lejn Andrija Majdevac li x-xutt tiegħu għeleb lill-goalkeeper Galea għal 3-1. Reazzjoni ħafifa minn Sliema mat-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari meta Muchardi mid-distanza mpenja lil Sultana f’save doppju.

Riżultat finali: Sliema W. 1  Balzan 3

BOV Plejer tal-Logħba: Matias Muchardi ta’ Sliema W.

Referee: Philip Farrugia

 

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-Ġimgħa jibda l-kampjonat BOV Premier staġun 2019/20. Bejn għada l-Ġimgħa u s-Sibt l-14 -il team tal-Premier ikunu fl-azzjoni bid-debutt uffiċjali tagħhom. Il-fixtures tal-ewwel ġurnata tal-kampjonat tal-ogħla diviżjoni f’Malta huma dawn:…

Futbol lokali

Jumejn qabel il-ftuħ tal-kampjonat Premier, Ħamrun Spartans u Santa Lucia ppreżentaw l-iskwadri tagħhom għall-istaġun li ġej. Ħamrun Spartans ippreżentaw l-iskwadra għall-istaġun li jiftaħ nhar il-Ġimgħa fejn l-Ispartans jibdew b’konfront kontra…

Futbol lokali

THE CONVENIENCE SUMMER CUP 2019 Żebbuġ Rangers laħqu lil San Ġwann f’ras il-klassifika ta’ The Convenience Shop Summer Cup 2019 meta f’konfront dirett huma għelbuhom bl-iskor ta’ 5-2. Min-naħa l-oħra…

Aktar