BOV Premier – Naxxar Lions isalvaw punt fl-aħħar sekondi

Kampjonat BOV Premier

Naxxar Lions … 1
Qormi …………… 1

Gowl lejn it-tmiem salva punt għat-tim ta’ Naxxar wara li dehru destinati għal telfa kontra t-tim ta’ Qormi, meta l-logħba spiċċat fid-dro ta’ 1-1.

Żgur diżappunt kbir għall-Qormin li prattikament ramew il-logħba b’indeċiżjoni fid-difiża.

Naxxar Lions kienu qegħdin ifittxu t-tielet rebħa konsekuttiva wara rebħiet kontra Sliema Wanderers u Pieta’ Hotspurs fejn fihom ġabru sitt punti u tbiegħdu ftit mhux ħażin minn Żebbuġ Rangers.

Qormi min-naħa tagħhom ġabru ħames punti mill-aħħar tlett logħbiet, f’rebħa kontra Tarxien Rainbows u dros kontra t-timijiet promossi ta’ Żebbuġ Rangers u Pieta’ Hotpsurs.

Mad-disa’ minuta waslet l-ewwel azzjoni min-naħa ta’ Naxxar meta minn tlett kwarti ta’ grawnd DaSilva Ribeiro mill-freekick tefa’ ftit barra.

Tnax-il minuta u DaSilva Ribeiro prova xutt minn tarf il-kaxxa, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn minħabba sensjalazzjoni t’offside.

Mal-erbgħa u erbgħin minuta Qormi resqu viċin meta mill-freekick mogħti minn Mazzetti Latini, Temile bir-ras impenja lil Azzopardi biex dawwar f’corner. Minuta wara, x-xutt t’Effiong għal Qormi impenja lil Azzopardi biex għal darb’oħra dawwar f’corner.

Mat-tmienja u erbgħin minuta Qormi marru fil-vantaġġ.

Kien il-pass ta’ Bruce li qata’ lid-difiża Naxxarija, Duncan Pisani għeleb in-nasba tal-offside u minn quddiem Azzopardi xeħet ġewwa għal 1-0.

Tmienja u ħamsin minuta u Qormi baqgħu jippressaw meta mill-cross ta’ Chetcuti wara corner, Mazzettini Latini bir-ras impenja lil Azzopardi f’save tajjeb. Tnejn u sittin minuta u Pisani tefa’ cross ċentrali wara li l-ballun deher jaqbeż il-linja, b’Temile jittanta xutt u Azzopardi dawwar f’corner.

U Naxxar għamlu dak li ħafna ma kienux qed jaħsbu. Mat-tielet minuta fuq il-ħin regolamentari, Gilmar DaSilva Ribeiro sab ix-xibka għal Naxxar wara clearance ħażina tad-difiża Qormija.

Riżultat finali: Naxxar Lions 1 Qormi 1 bil-logħba tkun ikkontrollata mir-referee Nick Pratt mill-Federazzjoni ta’ Wales.

Il-BOV Player tal-Logħba vvutat mill-ġurnalisti kien Duncan Pisani ta’ Qormi.

Miktub minn...
Rodney Vassallo