BOV Premier – Naxxar Lions jirbħu derby akkanit kontra Mosta

Kampjonat BOV Premier

Mosta ……. 1
Naxxar L .. 2

Naxxar Lions rebħu d-derby kontra Mosta bl-iskor ta’ 2-1.

Derby li ż-żewġ timijiet bħas-soltu ħarsu lejh b’interess kbir. Partitarji taż-żewġ timijiet armati sa snienhom bil-bnadar u l-banda li kompliet tallegra lil dawk preżenti fil-Hibernians Ground f’Kordin.

Fl-14 -il minuta Terence Vella għal Naxxar ikkontrolla tajjeb il-ballun, b’finta xeħet il-ballun favur siequ u b’xutt fil-baxx impenja serjament lil Borg li laqa’ f’korner.
Naxxar baqgħu l-aħjar tim f’dan il-ħin u ma kinitx sorpriża li marru fil-vantaġġ. U x’gowl dak!

Ir-referi Sandro Spiteri saffar frikik favur Naxxar. Jinkariga ruħu minnu l-espert f’dan il-qasam Gilmar da Silva Ribeiro, frikik preċiż u kkalkulat li spiċċa fir-rokna leminija tax-xibka wara Omar Borg. 1-0 favur Naxxar.

Bdiet it-tieni taqsima u Mosta jġibu l-iskor indaqs.

47 minuta frikik għal Mosta, nkariga ruħu minn dan ix-xutt Bojan Kaljevic, u ballun preċiż dirett lejn ir-rokna xellugija tax-xibka, b’Julian Azzopardi meghlub.

Iżda Naxxar ftit dehru li nħasdu hekk kif fil-71 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ. Kien korner ta’ Gilmar mix-xellug, jogħla bir-ras is-sostitut Pape Gueye li ddepożita l-ballun ġewwa fost il-ferħ indeskrivibbli tal-partitarji Naxxarin.

Naxxar baqgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni u rebħu dan id-derby tant akkanit biex issa jinsabu biss tliet punti bogħod mill-istess ġirien tagħhom.

Riżultat finali: Mosta 1 Naxxar 2
BOV Plejer tal-Logħba – Gilmar da Silva Ribeiro ta’ Naxxar.
Referi – Sandro Spiteri

Miktub minn...
Rodney Vassallo