Futbol lokali
BOV Premier: Senglea Athletic jegħlbu lill-Pietà Hotspur f’xita ta’ karti sofor

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19

Senglea A…….2

Pietà H…………1

Ir-referee Stefan Pace kellu waranofsinhar impenjattiv ħafna meta fl-ewwel logħba fis-Centenary Stadium wera xejn inqas minn 14-il karta safra u spiċċa anke keċċa plejer tat-tim ta’ Senglea Athletic. Għalkemm bi plejer inqas it-tim tal-Isla rnexxilhom joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 fuq Pietà Hotspurs biex b’hekk ħadu erba’ rebħiet minn erba’ logħbiet fit-tieni round tal-Kampjonat BOV Premier. Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet ħadu punt mill-konfront ta’ bejniethom meta spiċċaw 1-1.

Is-sena 2019 s’issa kienet waħda pożittiva ħafna għal Senglea għaliex mill-erba’ logħbiet li lagħbu fil-kampjonat, huma dejjem ħarġu bil-punti massimi u ħadu 4 rebħiet konsekuttivi li mhux biss qalgħuhom mill-aħħar post tal-klassifika, imma saħansitra tellgħuhom fil-11-il post. Għall-Hotspurs is-sitwazzjoni hija ftit aktar imwiegħra meta l-aħħar punt li ħadu kien kontra St Andrews fl-10 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Minn hemmhekk il quddiem Pietà ħarġu telliefa fis-seba’ logħbiet li lagħbu u agħar minn hekk skurjaw biss tliet gowls.

Fit-23 minta d-difiża tal-Pietà kellha tkun attenta sabiex iddawar ix-xutt ta’ Marukawa f’corner. Fil-35 minuta l-Hotspurs ingħataw penalty meta Mrsulja waqqa’ lil Pisani fil-kaxxa u mill-11-il metru Mensah ra lil Farrugia jtir minn tulu u jdawwarlu l-penalty f’corner. Dak li m’għamlux Pietà għamluh Senglea għaliex fis-37 minuta marru fil-vantaġġ meta mill-corner, wara taħwida fil-kaxxa El Mehdi Sidqy tefa’ fix-xibka għal 1-0. L-Athletic għal ftit ma rduppjawx żewġ minuti wara meta din id-darba kien Marukawa li ttanta xutt fuq id-dawra imma Vella dawwar f’corner. Mal-45 minuta Pietà ġabu l-gowl tad-dro. Kienet azzjoni maħduma tajba minn Busuttil li wara li dar ma’ difensur fil-kaxxa tefa’ cross li spiċċa f’saqajn Nicholas Pisani li ġo lasta vojta ma kellux diffikultà li jikkonkludi għal 1-1 sal-mistrieħ.

Fid-59 minuta Senglea reġgħu marru għal darb’oħra fil-vantaġġ meta Garcia f’kontrattakk baqa’ dieħel fil-kaxxa, qassam lejn Augusto Caseres li minn qagħda angolata spara ġewwa għal 2-1. Fit-62 minuta l-Isla spiċċaw jilagħbu bi plejer inqas meta Mrsulja irritalja wara li Jan Busuttil ikkommetta foul fuqu, bil-plejer Senglean idabbar it-tieni karta safra u eventwalment il-ħamra biex ir-referee Pace bagħtu fid-dressing room kmieni. Fit-82 minuta Pietà kellhom freekick minn Radovanovic imma d-daqqa ta’ ras ta’ Grech għaddiet ftit għoli mill-mimduda.

Riżultat finali: Senglea A. 2  Pietà H. 1

Referee: Stefan Pace

BOV Player tal-Logħba: Taisei Marukawa (Senglea A.)

 

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

FUTBOL LOKALI Gżira United ippreżentaw l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ filgħaxija f’post tad-divertiment f’Tas-Sliema. Il-Maroons, li spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika kemm fl-istaġun li għadda…

Futbol lokali

Sliema Wanderers ħabbru li akkwistaw lill-plejer mill-Arġentina Juan Cruz Gill. Id-difensur, li għandu wkoll ċittadinanza Taljana, lagħab f’pajjiżna ma’ Valletta u Tarxien Rainbows. Fil-passat, Crus Gill lagħab fil-Premier Division fl-Arġentina…

Futbol lokali

Federico Falcone, l-ex plejer ta’ Valletta FC, mil-lum sar plejer ta’ Birkirkara. Falcone ffirma kuntratt ta’ sentejn. B’dan l-akkwist, Birkirkara se jkomplu jsaħħu l-iskwadra fit-tentattiv li jirbħu l-kampjonat fl-istaġun li…

Futbol lokali

San Ġwann baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika ta’ The Convenience Summer Cup 2019 hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata ta’ dan it-turnament annwali ta’ qabel l-istaġun. It-tim immexxi minn Jean Paul…

Aktar