BOV Premier – Skor tennistiku għal Birkirkara

Kampjonat BOV Premier

Birkirkara ….. 6

Sliema W ……. 0

Birkirkara lura fil-quċċata tal-klassifika wara rebħa kbira ta’ 6-0 fuq Sliema Wanderers.

Iċ-ċampjins ħames gowls vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima.

Kien Shola Shodiya li poġġa lis-Stripes fil-vantaġġ fil-ħames minuta, biex erba minuti wara Jhonnattan Benites Da Conceicao għamilhom tnejn.

Reġa kien Shola Shodiya li mal-kwarta logħob għamilhom tlieta, biex fil-ħamsa u għoxrin minuta Ryan Camenzuli ghamilhom 4-0.

Il-ħames gowl Karkariż kien il-hat trick għall-eroj Shola Shodiya li wasal eżatt qabel il-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima, eżatt mas-siegħa logħob, Sliema Wanderers fallew penalty fil-61 minuta permezz ta’ Stanley Ohawuchi, biex fid-disgħa u sittin minuta Birkirkara bis-sitt gowl li wasal minn Matheus Bissi da Silva.

Balzan …….. 4

Hibernians … 4

F’logħba ferm pjaċevoli Balzan u Hibs spiċċaw fi dro ta’ 4-4.

Hibs fetħu l-iskor fir-4 minuta meta corner ta’ Clayton Failla spiċċa għand Igor Radusinovic li niżżel lejn Jonathan Pearson li b’xutt mal-ewwel tefa’ ġewwa.

Balzan ġabu d-dro meta minn kross ta’ Lydon Micallef kien Jonathan Pearson li bi sfortuna għalih skorja awtogowl fit-tentattiv li jantiċipa lil Armario Negrin.

36 minuta u Hibs mill-ġdid fil-vantaġġ meta Jean Paul Farrugia sab il-ballun ma’ saqajh u mill-viċin ċaqlaq ix-xibka għal 2-1.

Minuta wara, Balzan ġabu d-dro. Moviment mill-aqwa ta’ Steve Bezzina li għadda l-ballun fil-kaxxa, żball ta’ Igor Radusinovic, japprofitta Jose Luis Armario Negrin, xutt, ballun mal-lasta u mir-ribawnd Lydon Micallef tefa’ għal ġewwa għal 2-2 u hekk għalqet l-ewwel taqsima.

Fil-50 minuta, Hibernians imorru fil-vantaġġ meta Obinna Obiefule qandel minn fuq Manuel Bartolo għal gowl meraviljuż.

Balzan reġgħu ġabu d-dro. Firas Aboulezz jitfa’ lejn Armario Negrin li issikkat minn difensur Pawlist kien ħafif sabiex jiddepożita fix-xibka.

Iżda x-xita ta’ gowls baqgħet għaddejja hekk kif mal-65 minuta frikik ta’ Clayton Failla għal Hibs jispiċċa ġewwa għal 4-3.

4-4 meta Steve Bezzina għadda tajjeb lejn Lydon Micallef li b’xutt imkaxkar għeleb għar-raba’ darba lil Daniel Balzan.

Bov plejer tal-logħba – Lydon Micallef ta’ Balzan
Referi – Chris Lautier

Miktub minn...
Rodney Vassallo