Futbol lokali
BOV Premier: Valletta jagħtu taptipa lil Qormi b’sitt gowls

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19

Valletta……6

Qormi……..0

Valletta ħadu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-kampjonat BOV Premier meta kontra Qormi huma rebħu bl-iskor ta’ 6-0, f’logħba li sa mill-ewwel minuta tagħha dehret li ser tmur favur it-tim tal-kapitali. Il-Qormin ma setgħux ilħaqqu mal-pass tal-Beltin, bil-plejers lebsin l-abjad ikunu superjuri fil-grawnd f’kull dipartiment u dan deher ukoll fir-riżultat finali.

Il-kowċ Belti Danilo Doncic ħalla l-istess ħdax li bdew fir-rebħa kontra Birkirkara l-ġimgħa ta’ qabel għall-konfront kontra Qormi, filwaqt li Brian Spiteri bidel tliet plejers mill-ħdax li bdew fid-draw kontra Pietà Hotspurs, fejn Seo-In Kim, Lubos Adamec u Mario Andres Arrieta ħallew posthom biex minflokom bdew Alan Abela, Alessio Cassar u Luke Busuttil.

Sa mill-ewwel minuta l-Beltin ħarġu fuq l-attakk u tefgħu pressjoni qawwija fuq it-tim ta’ Qormi. Mal-erbatax-il minuta Valletta fetħu l-iskor. Kien il-cross ta’ Alba li sab lil Bojan Kaljevic li b’daqqa ta’ ras qabbeż il-ballun minn fuq Azzopardi u tefa’ fix-xibka għal 1-0. Fit-33 minuta Valletta resqu verament viċin li jirduppjaw meta mill-cross ta’ Picciolo, Alba venven xutt li għadda ftit metri ′l bogħod mill-wieqfa. Tliet minuti wara kien Picciolo li ħela ċans tajjeb li jagħmilhom 2-0, wara li mill-cross il-ballun wasal għandu, imma l-konklużjoni tiegħu ma kenitx waħda ideali.

Fis-57 minuta Valletta ngħataw penalty. Kien Picciolo li daħal fil-kaxxa u b’xi mod kien imwaqqaf mid-difiża Qormija, imma Fontanella daħal biex jipprova jikkonkludi u spiċċa mwaqqa’ mill-goalkeeper Azzopardi, bir-referee Grech isaffar għall-penalty. Mill-11-il metru Angel Miguel Alba tefa’ fir-rokna biex għamel l-iskor 2-0. Siegħa logħob u Valletta għalqu l-logħba. Kien il-cross t’Alba, Kaljevic waqqa’ lil Mario Fontanella li spara fix-xibka għal 3-0. 72 minuta u issa kien imiss lil Bojan Kaljevic li jiskorja d-doppjetta personali tiegħu meta wara li rċieva mingħand Picciolo, f’lasta vojta ma żbaljax u għamilhom 4-0. Fit-80 minuta Mario Fontanella skorja l-ħames wieħed għal Valletta u t-tieni għalih meta waħdu minn quddiem Azzopardi ma żbaljax għal 5-0. Biss dan ma kienx biżżejjed għal Valletta għax kien fadal aktar x’jiskurjaw. Mat-88 minuta Bogdan Catalin Gavrilla li daħal bħala sostitut ukoll sab ix-xibka meta mil-lemin minn qagħha angolata tefa’ wara Azzopardi għal 6-0.

Riżultat finali: Valletta 6  Qormi 0

Referee: Emanuel Grech

BOV Player tal-Logħba: Miguel Alba – Valletta

Miktub minn...
Sandro Micallef
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm Sports Panorama.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Bejn illejla u nhar it-Tnejn li ġej tintlagħab is-seba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier, b’dawn il-logħbiet: Illejla – Centenary Stadium 18:00  Senglea A. – Gżira UTD 20:15  Qormi – St Andrews…

Futbol lokali

Marc Marquez jinsab viċin it-titlu mondjali u kkonferma dan f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu. Marquez qal li t-tim tiegħu Honda jixtieq jiċċelebra t-titlu mondjali b’rebħa oħra f’darhom il-Ġappun fejn proprju se ssir…

Futbol lokali

Fil-jiem li għaddew, tħabbret il-mewt ta’ Ġużi Bonnici, ‘il-Jummi’, ex-gowlkiper ta’ Hamrun Spartans. Bonnici kien għamel l-aqwa tal-karriera tiegħu ma’ Hamrun Spartans fis-Snin ’50 u ’60. Gużi Bonnici miet fl-età…

Aktar