BOV Premier – Valletta jikkupjaw lil Hibernians u jiskurjaw ħamsa

Kampjonat BOV Premier

Valletta …. 5
Mosta …… 0

Valletta telgħu fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa t’5-0 fuq it-tim ta’ Mosta biex b’hekk qabżu wkoll lit-tim ta’ Birkirkara. Min-naħa l-oħra Mosta jibqgħu fil-maltemp anke wara li bidlu l-kowċ.

Valletta kienu ġejjin minn tlett rebħiet ta’ 2-0 il-waħda u allura rebħa llum kienet tfisser 12-il punt minn 12 fl-aħħar erba’ logħbiet. Mosta min-naħa tagħhom, bl-introduzzjoni tal-kowċ il-ġdid Peter Smith irnexxielhom jirbħu l-aħħar konfront kontra Tarxien Rainbowsbl-iskor ta’ 2-1, wara serje ta’ riżultati negattivi fl-aħħar logħbiet taħt il-gwida ta’ Enrico Piccione.

L-ewwel azzjoni waslet minn Valletta meta wara għaxar minuti Briffa xxuttja ċentrali b’Borg isalva bla ebda diffikulta’.

Mal-erbatax-il minuta Shaun Bajada skurja gowl mill-isbaħ meta daħal fil-kaxxa minn pożizzjoni pjuttost ċentrali u venven xutt fix-xibka għal 1-0.

Tlieta u tletin minuta u Valletta għamluhom tnejn. Faria għadda lejn Elford-Alliyu li fil-kaxxa tefa’ cross ċentrali fejn sab lil Roderick Briffa li minn taħt Borg ma żbaljax għal 2-0.

Sebgħa u tletin minuta u għal darb’oħra Valletta jiskurjaw. Kien corner ta’ Bajada, Azzopardi bir-ras niżżel lejn LateefElford-Alliyu li għeleb għat-tielet darba lil Borg fil-lasti Mostin.

Valletta komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima u Bajada fit-tlieta u ħamsin minuta impenja lil Borg b’save pjuttost faċli. U ftit tas-sekondi wara Valletta reġgħu resqu viċin meta Nafti ra x-xutt tiegħu ikun imtajjar parzjalment minn Borg, il-ballun wasal għand Bajada li minn qagħda ideali tefa’ għoli.

Mas-sitta u sittin minuta Valletta għajtu għal penalty meta x-xutt ta’ Barry mill-viċin ħabat ma jdejn difensur Mosti, bir-referee Lautier iħalli l-logħob għaddej.

Disgħa u sittin minuta u Barry ta’ Valletta għadda tajjeb bejn żewġ difensuri Mostin, biss il-pass aħħari tiegħu fil-kaxxa ma kienx tajjeb, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.

Wieħed u sebgħin minuta u Valletta jiskurjaw ir-raba’. Xutt b’saħħtu ta’ Faria minn barra l-kaxxa, il-goaler Mosti laqa’ parzjalment bil-ballun jasal eżatt f’saqajn AbdelkarimNafti li spara fix-xibka għal 4-0.

Disgħa u tmenin minuta u Valletta jiskurjaw il-ħames. Din id-darba Luke Montebello minn taħt Borg ma żbaljax wara cross ta’ Nafti biex għamel ir-riżultat 5-0.

Riżultat finali: Valletta 5 Mosta 0 bil-logħba tkun ikkontrollata mir-referee Chris Lautier. Il-BOV Player tal-Logħba kien ivvutat Shaun Bajada ta’ Valletta.

Miktub minn...
Rodney Vassallo