BOV Premier – Valletta jirbħu l-battalja tal-Iljuni …. Birkirkara jibqgħu b’punti massimi

Kampjonat BOV Premier

Floriana …… 0
Valletta ……. 2

Ic-champions Valletta rebħu l-ewwel partita tagħhom fil-Kampjonat meta għelbu b’mod konvinċenti lil ġirien Floriana bl-iskor ta’ 2-0.

Il-kowċ Furjaniż Giovanni Tedesco għażel li jilgħab bl-istess ħdax mid-dro ta’ 1-1 kontra Sliema Wanderers b’formazzjoni ta’ 4-3-1-2 bi Clyde Borg jissapportja lit-tandem offensiv Vito Plut u Giovanni Picciolo.

Min-naħa Beltija, bidla waħda mill-kowċ Belti Gilbert Agius hekk kif Christian Caruana ħa post Luke Montebello mill-aħħar ħarġa diżappuntanti tagħhom kontra Tarxien.

Il-kowċ Belti ħejja sistema ta’ 4-3-2-1 b’Kooh Sohna jkun l-aktar wieħed avvanzat.

Fil-ħames minuta Valletta jippruvaw l-ewwel attakk tagħhom permezz ta’ Steve Borg, bix-xutt tiegħu jispiċċa barra.

Floriana ħolqu l-ewwel azzjoni fit-22 minuta meta xutt ta’ Brooke Farrugia jispiċċa f’idejn il-gowlkiper Nicky Vella.

Fit-33 minuta frikik ta’ Shaun Bajada u jilqa’ tajjeb il-keeper Taljan Valerio Senatore.

L-istess Senatore rega’ kien providenzjali għat-tim tiegħu meta fis-37 minuta laqa’ tajjeb xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ryan Fenech.

Bdiet it-tieni taqsima u Valletta reġgħu ppruvaw fit-58 minuta għal darb’ohra permezz ta’ Ryan Fenech bil-ballun imurlu għoli mil-lasta ta’ Senatore.

Mossa tattika minn Gilbert Agius fit-63 minuta meta Adrian Zahra u Lateef Elford Aliyu daħlu jilagħbu minflok Christian Caruana u Raphael Kooh Sohna rispettivament.

Bidla li biha l-kowċ Belti laqat il-musmar fuq rasu hekk kif Valletta marru fil-vantaġġ.

Kien fil-65 minuta meta Shawn Bajada għadda lejn is-super sub Elford Aliyu li mingħajr ma qagħad jaħsiba avvanza fil-kaxxa Furjaniża u b’xutt tajjeb għeleb lil Senatore u għamilhom 1-0 fost il-ferħ tal-partitarji Beltin.

Minuta wara reġa kien l-awtur tal-gowl Elford Aliyu li ra t-tentattiv tiegħu salvat mill-keeper Senatore.

U ma kinitx sorpriża li Valletta rduppjaw! …. 85 minuta u Ryan Fenech ra lil Abdelkarim Nafti fuq in-naħa xellugija, qassamlu l-ballun u dan tal-aħħar b’xutt mal-ewwel ma ħafirx għal skor finali ta’ Floraian 0 Valletta 2.

Referi – Alan Mario Sant

Birkirkara …. 1
Naxxar L …. 0

Birkirkara għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 1-0.

Logħba ddominata minn Birkirkara li minkejja l-attakki kontinwi tagħhom xejn ma setgħu jinfdu lid-difiża organizzata Naxxarija li kellha ċċedi proprju fil-ħin miżjud.

Huma kellhom jgħaddu mingħajr tliet plejers fundamentali jiġifieri Joseph Zerafa, Edmond Agius u Gareth Sciberras.

Plejer wieħed nieqes għal Naxxar Lions bil-Brażiljan Sidney da Silva li jinsab imweġġa.

Il-kowċ tagħhom Winston Muscat bidel żewġ plejers mill-aħħar ħarġa kontra Balzan meta nkluda lil Victor Bellia u Pape Gueye minflok Pablo Doffo u Gilmar rispettivament għal sistematattika ta’ 4-4-1-1.

Mal-minuta logħob, Naxxar mal-ewwel perikolużi meta tentattiv ta’ Pape Gueye spiċċa ċentimetri barra mil-lasta ta’ Haber.

Jirrispondu Birkirkara mas-sitt minuta meta kross mix-xellug ta’ Ryan Camenzuli u Edward Herrera ma kkonnettjax għal ftit.

Fil-31 minuta kienet il-lasta li ċaħħdet lil Costa Morais ta’ Birkirkara mill-gowl sabiħ wara li x-xutt bid-dawra tiegħu ħabat mal-wieqfa.

Fit-tieni taqsima, r-ritmu tal-logħba baqgħet bl-istess andament b’xutt b’saħħtu ta’ Paul Fenech fit-63 minuta bir-riflessi tajbin tal-keeper Azzopardi li jilqa tajjeb.

Semmejna lil Julian Azzopardi. Dan tal-aħħar kien superlattiv minuta wara meta laqa’ ballun indirizzat lejh minn Ryan Scicluna kompliċi devjazzjoni minn difensur Naxxari.

Hekk kif kollox kien jidher li l-logħba kienet se tispiċċa dro, Birkirkara skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa, 93 minuta u kross mil-lemin ta’ Edward Herrera, bid-difiza tal-Lions tikklerja momentarjament, jidħol tajjeb Paul Fenech li b’xutt fil-baxx għeleb lil Azzopardi għal gowl drammatiku.

BOV Plejer tal-Logħba – Julian Azzopardi gowlkiper ta’ Naxxar Lions.

Referi – Philip Farrugia

Kampjonat Premier – Logħob għall-Erbgħa 
Stadium Nazzjonali

6.30pm – Qormi – Balzan
8.30pm – Hibernians – Sliema W

Victor Tedesco Stadium
6.30pm – Mosta – Żebbuġ R
8.45pm – Tarxien R – Pieta H

Klassifika – Birkirkara 9, Hibernians 6, Mosta 6, Valletta 4, Balzan 4, Qormi 3, Tarxien R 2, Sliema W 2, Floriana 1, Naxxar L 1, Pieta H 0, Żebbuġ R 0.

Miktub minn...
Rodney Vassallo