BOV Premier – Żewġ gowls fl-aħħar sekondi tal-konfront

Kampjonat BOV Premier

Floriana ….. 1
Pieta H …….. 1

F’logħba li ħadet il-ħajja fl-aħħar tlett minuti, Floriana u Pieta’ Hotspurs spiċċaw dro ta’ 1-1.

Wara li għal 87 minuta pjuttost ma kienx hemm xi azzjonijiet daqshekk perikolużi, fl-aħħar tlett minuti ġew skurjati żewġ gowls, wieħed fuq kull naħa.

Floriana kienu ġejjin minn logħbiet imħallta, fejn mill-aħħar tlett logħbiet ġabru biss 3 punti, f’rebħa fuq Sliema Wanderers li ġiet bejn it-telfiet kontra Hibernians u l-ġirien Valletta.

Min-naħa l-oħra Pieta’ ġejjin minn riżultati pjuttost sodisfaċenti, 4 punti mill-aħħar tlett logħbiet, f’rebħa sorpriża kontra Birkirkara, dro kontra Tarxien u telfa kontra Mosta.

Mill-aħħar konfront, il-kowċ Noel Coleiro ta’ Pieta’ għamel bidla waħda fl-ewwel ħdax meta beda Gabriel JoaoDaSilva minflok Terence Agius, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra l-kowċ Giovanni Tedesco għamel tlett bidliet mill-aħħar konfront meta beda b’Andre Scicluna, Douglas FelipeMoreiraCobo u EmersonMarcelina minflok RodrigoAguiar, Clyde Borg u Brooke Farrugia.

Nikola Tasic ta’ Pieta’ u AmadouSamb ta’ Floriana kienu sospiżi għal dan il-konfront.

Tmien minuti u Floriana kienu perikolużi meta Piciollo qassam lejn Pisani li minn pożizzjoni angolata ra lil Cassar isalva b’abilita’.

Sbatax-il minuta u Floriana wettqu azzjoni sabiħa li fl-aħħar sfumat fix-xejn meta Piciollo għadda ‘l quddiem lejn Plut li wasal fil-genb tal-kaxxa l-kbira, tefa’ cross ċentrali bit-tama li jsib lil Pisani li iżda ma laħaqx il-ballun.

Tlieta u għoxrin minuta u Pieta’ resqu viċin meta mill-corner ta’ Frances, Grech bir-ras tefa’ f’idejn Gauci. Sebgħa u għoxrin minuta u Cassar ta’ Pieta’ kellu jkun attent biex idawwar f’corner meta x-xutt ta’ Pisani fuq cross ta’ Piciollo kien insidjuż.

Wieħed u sittin minuta u Floriana tilfu ċans ieħor tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ meta Plut għadda lejn Pisani, dan qassam lejn Piciollo li għeleb in-nasba tal-offside, daħal quddiem Cassar u wara li tilef il-bilanċ prova jixxuttja bil-mira tmur żmerċ.

Sebgħa u sittin minuta u mill-freekick Frances ta’ Pieta’ xxuttja ftit barra mill-wieqfa.

Tmienja u tmenin minuta u Pieta’ ngħataw penalty. Kien il-goaler Gauci ta’ Floriana b’daħla ħażina fuq Licari li kien għadu dieħel fil-grawnd bir-referee Lautier ma jeżitax u jsaffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru Jurgen Pisani ma żbaljax biex tefa’ l-ballun naħa u l-goaler oħra għal 1-0.

Imma dan ma qatax qalb il-Furjaniżi li fid-disgħin minuta rnexxielhom iġibu d-dro. Kien freekick ta’ Pisani, Steve Bonnici bir-ras għeleb lil Cassar għal 1-1.

Riżultat finali: Floriana 1Pieta’ H. 1 bil-logħba tkun ikkontrollata mir-referee Chris Lautier.

BOV Player tal-Logħba kien ivvutat Matteo Piciollo ta’ Floriana.

Miktub minn...
Rodney Vassallo