Bowling
Bowling: It-tim tal-BOV jiddomina l-kampjonat nazzjonali tat-Tieni Diviżjoni

It-Tim tal-Bank of Valletta ddomina t-Tieni Diviżjoni tal-MAPFRE MSV Life Kampjonat Nazzjonali tal-Bowling organizzat mill-Malta Ten Pin Bowling Association, u b’hekk kisbu l-promozzjoni tagħhom għall-Ewwel Diviżjoni.

It-tim tal-Bank of Valletta kiseb is-suċċessi tiegħu b’vantaġġ massiv ta’ 29 punt fuq it-tim tat-tieni post, dak tal-Malta International Airport. It-tim tal-Bank rebaħ it-tmintax-il logħba kollha tiegħu li kienu jintlagħbu kull nhar ta’ Tlieta matul il-kampjonat li beda lura f’Jannar ta’ din is-sena, biex b’hekk spiċċaw b’total massiv ta’ 130 punt mill-massimu ta’ 144 punt. Dan huwa numru ta’ punti rekord li ntrebħu matul il-kampjonat u l-akbar vantaġġ li qatt rajna fuq it-tim li spiċċa fit-tieni post.

It-tim li kien magħmul minn Alan Attard, Hubert Camilleri, Duncan Schembri, Josward Xuereb u l-plejer mistieden Cedric Farrugia issa se jitla’ fl-Ewwel Diviżjoni fl-istaġun li jmiss u diġà beda jsaħħaħ l-iskeda tat-taħriġ tiegħu biex jiżgura tim kompetittiv fl-ogħla livell tal-bowling lokali.

It-tim qed iħejji wkoll għas-sehem tiegħu fil-European Company Sports Games li se jsiru f’Salzburg, l-Awstrija matul l-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju, bil-għan li jtejbu l-pożizzjoni tagħhom li kisbu fl-istess logħob li saru fil-Belġju sentejn ilu.

Miktub minn...
TVM Sport