Bowling
Bowling: Sandra Xuereb u Ian Howard jirbħu t-Tazza tal-Bronż

Fis-sezzjoni tan-nisa, Sandra Xuereb ħarġet sparata b’logħba tajba ta’ 196, li kienet biżżejjed biex tikkwalifika fl-ewwel post quddiem iż-żagħżugħa ta’ 14-il sena Ruslana Grima, wara l-erba’ logħbiet tal-kwalifiki.

L-erba’ plejers l-oħra li għaddew kienu Angele Azzopardi, Natasha Bianchi, żagħżugħa oħra ta’ 14-il sena Kathryn Fenech u Jessica Farrugia.

Il-logħob fil-finali ra lil Farrugia tirbaħ 4 minn 5 logħbiet, li għenuha biex titla sat-tielet post, filwaqt li Fenech lagħbet l-ogħla totali biex telgħet sat-tieni post wara li tilfet l-aħħar logħba kontra Xuereb. B’hekk Xuereb rebħet l-ewwel unuri tagħha f’dan l-isport.

Wara li fil-kwalifiki ddomina s-sezzjoni tal-irġiel b’medja ta’ 175 fuq 4 logħbiet, Keith Farrugia beda tajjeb ferm fil-fażi finali b’logħba ta’ 193 u rebħa kontra Damian Pisani.

Iżda Farrugia naqqas ferm u spiċċa niżel fil-ħames post, waqt li l-veteran Ian Howard rebaħ 4 min 5 logħbiet biex spiċċa l-ewwel hekk kif għadda lil Pisani b’distakk żgħir ta’ 5 pins.

Travis Barbara kellu tournament sabiħ biex spiċċa fit-tielet post, segwit minn Gorg Camilleri.

Kieran Seguna spiċċa fis-sitt post.

 

Miktub minn...
TVM Sport