AĠĠORNATA – Bowling …. Suċċess u deheb għal Malta fil-logħob tal-Mediterran

Bowling

Ġurnata storika għal Malta fl-isport tal-Bowling hekk kif fil-logħob tal-Mediterranean li qed isiru bħalissa fil-Greċja, medalja tad-deheb għat-team Malta magħmul minn Mark Spiteri, Mauro Anastasi, Sue Abela u Tiziana Carannante.

Team Malta kiser ukoll ir-rekord ta’ punti miksuba, total ta’ disa mija erbgħa u sittin, liema rekord għeleb dak preċedenti li kien f’idejn il-Grecja, u li b’hekk tilfuħ f’darhom stess kontra l-qawwa tal-bowlers Maltin.

Sadanittant, fuq livell individwali, ġurnata mħallta għal Sue Abela bil-medalja tad-deheb fil-Women All Events, iżda eliminazzjoni fil-kwartifinali fil-Women Singles.

Min-naħa l-oħra Mark Spiteri kiseb il-medalja tal-fidda wara li tilef fil-finali fil-Men Masters Event.

Kollox ma’ kollox riżultati sodisfaċenti għal bowlers Maltin fil-Greċja f’dawn il-logħob tal-Mediterran, bil-kontinġent li issa mistenni lura Malta t-Tlieta bil-lejl, sbieħ l-Erbgħa filgħodu.

Miktub minn...
Rodney Vassallo