Bowling
Bowling: Tlieta wara xulxin għal Mauro Anastasi, Sue Abela tirbaħ it-titlu

Mauro Anastasi beda t-tielet ġurnata fit-tielet post wara Miguel Xuereb u Mark Spiteri, iżda wara tliet partiti kbar bi skores ta’ 234, 257 u 227 telgħa fuq quddiem, filwaqt li Spiteri prova jżomm miegħu iżda Xuereb waqgħa lura.

Minn hemm, Anastasi baqa’ għaddej iżomm lil Spiteri ftit ‘il bogħod u wara li ġab 243 fil-logħba ta’ qabel tal-aħħar, Spiteri ċeda u kellu jikkuntenta bit-tieni post. Kellna ġlieda ferm akkanita għat-tielet post bejn Dennis Mercieca u t-talent żagħżugħ ta’ 17-il sena Matthew Magro, b’Mercieca jirnexxielu jgħaddi lil Magro b’sitt pins biss hekk kif ġab double fl-aħħar frame tal-aħħar logħba. B’hekk, Anastasi sar l-ewwel raġel Malti li rebaħ dawn il-kampjonati għall-ħames darbiet.

Fin-nisa, Abela għamlitha ċara mill-bidu nett tal-aħħar ġurnata hekk kif lagħbet 246 fl-ewwel logħba kontra 184 ta’ Cynthia Frendo Duca, li kienet fit-tieni post. Abela kompliet għaddejja tajjeb biex rebħet b’distakkk ta’ iktar minn 200 pin, hekk kif lagħbet medja ta’ 216 fl-aħħar ġurnata. Frendo Duca u Tizziana Carannante kellhom taqtigħa tajba sal-aħħar għat-tieni post, iżda kienet Frendo Duca li żammet it-tieni post.

Abela and Anastasi issa jirrapreżentaw lil Malta fit-Tazza tac-Champions Ewropej fit-Turkija fl-aħħar ta’ Ottubru.

 

Miktub minn...
TVM Sport