Boxing
Boxing – Alvarez kontra Smith fid-19 ta’ Diċembru għat-titlu tad-WBA Super-Middleweight

Il-Messikan Saul ‘Canelo’ Alvarez ser ikun qiegħed jiġġieled kontra Callum Smith fid-WBA Super-Middleweight. Il-ġlieda ser issir fl-Istati Uniti x-xahar id-dieħel imma s’issa għadu mhux magħruf fejn ser issir il-kontestazzjoni. Il-Messikan Alvarez kien iċ-champion tad-dinja f’erba’ diviżjonijiet ta’ piż differenti u fuq il-midja soċjali kiteb li ser jirritorna fir-ring fid-19 ta’ Diċembru li ġej.

L-isfida quddiem Alvarez mhijiex faċli għaliex Callum Smith li għandu 30 sena, qatt ma tilef f’27 ġlieda li ġġieled. Kien sentejn ilu meta rebaħ it-titlu tad-WBA Super-Middleweight meta fl-Arabja Sawdija kien għeleb lill-kompatrijott George Groves. Għal Alvarez, li wkoll għandu 30 sena, ilu ma jiġġieled aktar minn sena, u f’56 ġlieda tilef darba biss, kontra Floyd Mayweather fl-2013.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA