Boxing
Boxing – Claressa Shields tgħid li f’dan l-isport in-nisa huma meqjusa inqas mill-irġiel

Iċ-champion tal-light-middleweight, Claressa Shields, bdiet kampanja sabiex fil-boxing, in-nisa jkunu meqjusa daqs l-irġiel. L-ewwel ‘ġlieda’ ta’ Shields hi dwar in-numru ta’ rounds li jiġġieldu n-nisa, li huma inqas minn dawk li jiġġieldu l-irġiel, u skont il-boxer, din hija l-ewwel minn sensiela t’anomaliji li qed iżommu l-boxing milli jkun sport ugwali. Fil-preżent, in-nisa jiġġieldu sa massimu ta’ 10 rounds ta’ żewġ minuti l-wieħed, imma l-irġiel jiġġieldu sa massimu ta’ 12-il round ta’ tliet minuti l-wieħed. Dan ifisser, li fit-total, l-irġiel għandhom ċans jiġġieldu għal 16-il minuta aktar min-nisa.

Fil-preżent Claressa Shields qed tipprepara sabiex fil-5 ta’ Marzu tiġġieled biċ-ċans li tirbaħ erba’ titli dinjija f’żewġ kategoriji differenti.

Shields qed tikkontendi li minħabba n-nuqqas ta’ ħin f’kull round, in-numru ta’ knock-outs fil-kategorija tan-nisa huwa vera baxx meta kkumparat ma’ tal-irġiel. Shields qed tisħaq li n-nisa ma jridux protezzjoni, imma rispett, għax il-protezzjoni għandha tkun għal kulħadd, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

F’reazzjoni mid-WBC għall-kummenti ta’ Claressa Shields, intqal li studji xjentifiċi juru li l-boxers femminili għandhom aktar ċans li jsofru concussion milli l-irġiel, u huwa għalhekk li l-ħin ta’ round huwa inqas. Id-WBC qal li hija l-ixjenza mhux is-sessiżmu li jiddeterminaw id-deċiżjonijiet.

Claressa Shields hija waħda mill-aqwa boxers fid-dinja. Ta’ 17-il sena kienet rebħet id-deheb fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 fil-middleweight, imbagħad irrepetiet is-suċċess tagħha fl-2016 fl-Olimpjadi ta’ Rio. Shields rebħet l-għaxar ġlidiet li ġġieldet s’issa, fejn irnexxielha tirbaħ l-unuri tad-WBC, WBA, IBF u WBO tal-middleweight.

Is-Sibt li ġej, Claressa Shields ser tiġġieled kontra l-Kanadiża Marie-Eve Dicaire li għandha f’idejha t-titli tal-IBF u d-WBA fil-mument. Il-ġlieda ser issir f’Michigan, l-Istati Uniti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA