Boxing
Boxing: Mayweather se jirritorna fir-ring fl-2020

Il-Boxer ta’ 42 sena Floyd Mayweather ħabbar li se jkun qiegħed jirritorna fir-ring fl-2020. Din l-aħbar ma kinitx mistennija mis-segwaċi tal-Boxing wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-istess Mayweather f’intervista’ minn Reuters ħabbar li kien se jirtira għal kollox minn dan l-isport.

Mayweather li għandu rekord eċċezzjonali ta’ 50-0 f’intervista’ kien ikkwotat jgħid li minkejja n-numru ta’ sejħiet sabiex jerga’ jirritorna fir-ring kien ser jieħu ħsieb saħħtu. Hu kompla billi ammetta li l-Boxing huwa sport perikoluż ħafna fejn fl-aħħar snin ħalla numru ta’ vittmi fir-ring. Fl-intervista iktar kmieni din il-ġimgħa kien ċaħad b’mod kategoriku l-possibbilta’ li jerġa’ jiġġieled kontra Manny Pacquiao jew Canelo Alvarez.

Iżda f’post fuq il-mezzi soċjali tiegħu Floyd Mayweather ħabbar li kien se joħroġ mill-irtirar fl-2020. Mayweather rebaħ l-ewwel minn tnax -il titlu tiegħu lura fl-1998. Fl-2007 għall-ewwel darba kien ħabbar li se jirtira fejn ftit taż-żmien wara reġa’ rritorna fir-ring. Tmien snin wara reġa’ ħabbar li kien se jirtira u kienet biss ġlieda kontra l-atleta tal-Arti Marzjali Conor McGregor  fl-2017 li wasslitu sabiex jerġa’ jirritorna. Minn dakinhar ikkompeta biss f’bouts  ta’ esibizzjoni fejn stqarr li minn dawn il-ġlidiet jaqla’ bejn 15 u 30 miljun ewro.

Miktub minn...
TVM Sport
.