
Nhar l-Erbgha 27 ta’ Novembru Prizeboxing Promotions organiżżaw serata ta’ boxing professjonali flimkien ma’ SIGMA, bħala lejla uffiċjali ta’ divertiment għall-konferenza tal-iGaming li saret f’pajjizna. Fl-azzjoni kien hemm l-aqwa boxers Maltin u għall-ewwel darba fl-istorja tal-boxing f’Malta searet bout għall-kampjonat mondjali WBC tan-nisa. Fl-azzjoni kien hemm Christian ‘Ċoqqos’ Schembri f’taqbida ta’ 8 rounds kontra Tomas Bezvoda, boxer sod mir-Repubblika Ċeka. Dawn kellhom ġlieda sabiħa b’ħafna mill-azzjoni u daqqiet iseħħu mill-viċin. Huma taw spettaklu tajjeb, u fl-aħħar kien schembri li rebaħ b’deċizjoni unanima.
Il-main event tas-serata kìenet għall-kampjonat mondjali WBC tan-nisa, fejn l-iSkoċċiza Hannah Rankin iddefendiet it-titlu tagħha kontra l-iSvediza Patricia Berghult. Berghult ħarġet b’saħħita u waqqgħat lil Rankin mal-art fl-ewwel sekondi, u kompliet tiddomina l-azzjoni għall-bqija tat-taqbida. Rankin pprovat tagħlaq id-distanza u tinforza l-azzjoni, iżda Berghult dejjem żammietha f’distanza komda għaliha u għamlet wirja ta’ boxing eżemplari biex rebħet il-kampjonat mondjali. F’taqbidiet professjonali oħra Theon ‘TTT’ Camilleri rebaħ b’deċizjoni unanima kontra l-Ukren Dimitri Kostenko, Fathi Brebesh rebah b’knockout kontra l-Ungeriz Szilagyi Lajos, Brandon ‘Boġon’ Borg rebaħ bil-punti kontra Michal Ryba u Niclas ‘The Viking’ Elfstedt rebaħ bil-punti kontra iċ-Ċek Petr Chmelik.

