Ibburdjar General
BREAKING NEWS: il-jott Malti Elusive 2 jirbaħ ir-Rolex Middle Sea Race 2020
L-ewwel jott b'suċċessi konsekuttivi f'40 sena

Il-jott Malti Elusive 2 huwa r-rebbieħ overall tal-edizzjoni 2020 tar-Rolex Middle Sea Race.

Elusive 2 tal-aħwa Aaron, Christoph u Maya Podesta daħal Marsamxett fl-3:50 ta’ dalgħodu wara erbat ijiem u sittax-il siegħa fuq il-baħar: u aktar tard ir-Royal Malta Yacht Club ikkonferma li l-ebda jott ma jista’ jgħaddih bil-corrected time. L-eqreb rival kien il-jott Franċiż, Tonnerre de Glen.

Elusive 2 kien rebaħ anke l-edizzjoni tas-sena l-oħra u b’hekk isir l-ewwel jott b’suċċessi konsekuttivi minn meta Nita IV rebaħ tliet darbiet wara xulxin bejn l-1978 u l-1980.

Is-suċċess ta’ Elusive 2 jiżdied ma’ dak tal-jott Taljan Maserati li kien l-ewwel wieħed li qasam il-linja tat-tmiem tard it-Tnejn biex ħa l-multihull line honours: waqt li l-jott Pollakk I Love Poland kien l-ewwel monohull li lesta r-rotta ta’ 606 mili nawtiċi mill-Port il-Kbir, mad-dawra ta’ Sqallija u l-gżejjer ta’ Pantelleria u Lampedusa, u lura Marsamxett. Ħamsin jott ħadu sehem f’din il-41 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.