Futbol internazzjonali
Buffon u Chiellini jiffirmaw kuntratt ta’ sena

Gianluigi Buffon u Giorgio Chiellini ffirmaw kuntratti ġodda ma’ Juventus. Kemm il-goalkeeper kif ukoll id-difensur iffirmaw kuntratt ta’ sena, sa tmiem l-istaġun li ġej.

Buffon li llum għandu 42 sena kien issieħeb ma’ Juventus mingħand Parma, u lagħab xejn inqas minn 669 mat-tim ta’ La Vecchia Signora. Qabel dan l-istaġun kien mar ma’ PSG fi Franza, esperjenza li damet biss kampjonat wieħed għax għal Buffon fejn tħobb il-qalb jimxu riġlejh, u malajr irritorna Turin.

Għalkemm mhuwiex l-ewwel għażla tal-kowċ Sarri, Buffon xorta waħda lagħab 13-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha matul dan l-istaġun.

Giorgio Chiellini min-naħa l-oħra għandu 35 sena u din ser tkun is-sittax-il sena tal-esperjenza tiegħu ma’ Juventus. B’kollox lagħab 509 darbiet bil-flokk Juventin.

Fil-preżent Juventus qegħdin jittamaw li jirbħu d-disa’ staġun konsekuttiv tas-Serie A, imma l-akbar tragward għalihom hija l-UEFA Champions League, kompetizzjoni li ilhom jittamaw li jirbħuha sa mill-1996, stennija ta’ 24 sena.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA