Futbol internazzjonali
Bundesliga – Bayern Munich jingħataw it-trofew ta’ champions filwaqt li Robert Lewandowski għandu rekord assolut

Bayern Munich  5-2  Augsburg

Bayern Munich għollew it-trofew tal-Bundesliga għad-disa’ staġun konsekuttiv meta fl-Allianz Arena għelbu lil Augsburg 5-2. Din kienet logħba li tibqa’ mniżżla fl-istorja minħabba l-attakkant Pollakk Robert Lewandowski, li bil-gowl tiegħu fl-aħħar sekondi, sar l-istilla uniku tal-Bundesliga, b’41 gowl fi staġun wieħed fil-kampjonat.

Il-ġimgħa li għaddiet Lewandowski laħaq ir-rekord ta’ Gerd Muller, t’40 gowl fil-kampjonat fi staġun wieħed, biss bil-ħames gowl kontra Augsburg, il-Pollakk għandu r-rekord f’idejh, u min jaf min u meta ser jirnexxielu jiksru.

Il-logħba għall-Bavarjani bdiet tajjeb mal-ewwel għaliex wara biss 9 minuti kienu diġà minn fuq b’awto-gowl ta’ Gouweleeuw. Bayern għamluhom tnejn fit-23 minuta permezz ta’ Gnabry u Augsburg naqsu milli jerġgħu jidħlu fil-logħba wara li Caligiuri falla penalty fil-25 minuta. Joshua Kimmich u Kingsley Coman skurjaw tnejn oħra qabel il-mistrieħ, fit-33 u fit-43 minuta rispettivament biex sal-ewwel taqsima Bayern kienu diġà għalqu l-logħba.

Fit-tieni taqsima Augsburg naqqsu d-distakk permezz ta’ Hahn fis-67 minuta u Niederlechner għamilhom 5-2 fit-72 minuta. U kollox deher li Robert Lewandowski mhux ser jirnexxielu jiskorja f’dan il-konfront, avolja pprova diversi drabi jsib ix-xibka. Biss l-insistenza tiegħu tat il-frott fid-90 minuta meta approfitta minn żball tal-goalkeeper u tefa’ ġewwa għal 5-2.

Din kienet ukoll l-aħħar logħba għall-kowċ Hansi Flick li ser iħalli lil Bayern Munich biex isir il-kowċ tat-tim nazzjonali Ġermaniż wara l-edizzjoni tal-EURO 2020.

Borussia Dortmund  3-1  Bayer Leverkusen

Borussia Dortmund għamlu ċert mit-tielet post fil-klassifika b’rebħa f’darhom fuq Bayer Leverkusen 3-1. Dortmund marru minn fuq wara 5 minuti b’gowl ta’ Haaland, u Marco Reus għamilhom 2-0 fil-51 minuta. Haaland skorja doppjetta personali u t-tielet għad-Dortmund fl-84 minuta, b’Bender jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni fid-90 minuta.

Werder Bremen  2-4  Borussia Moenchengladbach

Werder Bremen relegati mill-Bundesliga wara li fl-aħħar logħba tal-istaġun tilfu kontra Borussia Moenchengladbach 4-2. Il-logħba xejn ma bdiet tajjeb għal Werder Bremen għax wara 3 minuti kienu diġà minn taħt bil-gowl ta’ Stindl. Thuram għamilhom 2-0 fit-52 minuta u Bensebiani skorja t-tielet fit-58 minuta. 4-0 minn Neuhaus fis-67 minuta, u Borussia Moenchengladbach naqqsu r-ritmu, għaliex kienu jafu li Union Berlin qegħdin jirbħu wkoll u allura għalihom ma kenitx ser tkun possibbli li jieħdu sehem fil-UEFA Europa Conference League fl-istaġun li ġej.

Werder Bremen approfittaw xi ftit u skurjaw tnejn f’temp ta’ tliet minuti. Rashica għamilhom 1-4 fit-80 minuta, filwaqt li Fullkrug skurja t-tieni għal Werder Bremen fit-83 minuta.

Cologne  1-0  Schalke 04

Rebħa għal Cologne f’darhom ma kenitx biżżejjed biex isalvaw fil-Bundesliga, minħabba li kemm Arminia Bielefeld kif ukoll Hertha Berlin ħarġu rebbieħa fil-logħbiet rispettivi tagħhom.

Il-gowl ta’ Cologne wasal minn Bornauw fis-86 minuta wara li aktar kmieni l-gowl t’Andersson kien ikkanċellat permezz tal-VAR fil-71 minuta.

F’logħbiet oħra:

Eintracht Frankfurt  3-1  Freiburg
Hoffenheim  2-1  Hertha Berlin
Stuttgart  0-2  Arminia Bielefeld
Union Berlin  2-1  RB Leipzig
Wolfsburg  2-3  Mainz

B’dawn ir-riżultati, Bayern Munich huma r-rebbieħa tal-Bundesliga, u flimkien ma’ RB Leipzig, Borussia Dortmund u Wolfsburg ser jieħdu sehem fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej.

Eintracht Frankfurt u Bayer Leverkusen ser jieħdu sehem fil-UEFA Europa League filwaqt li Union Berlin ser jikkompetu fil-UEFA Europa Conference League.

Cologne, Werder Bremen u Schalke 04 sfaw relegati mill-Bundesliga.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA