Futbol internazzjonali
Bundesliga – telfa għal Bayern.. rebħiet kbar ‘away’ għal Dortmund u Leipzig

Kampjonat fil-Ġermanja, il-midfielder Amin Younes skorja ġmiel ta’ goal biex għen lil Eintracht Frankfurt jiksbu rebħa 2-1 fuq Bayern Munich.

Younes għamel xogħol tajjeb qabel Daichi Kamada poġġa lil Eintracht fil-vantaġġ, biex quddiem għajnejn il-kowċ Nazzjonali Ġermaniż Joachim Loew, Amin Younes bi ġmiel ta’ goal għamel l-iskor 2-0, goal ta’ konsolazzjoni għal Bayern, is-sitta u għoxrin wieħed dan l-istaġun għal Robert Lewandowski, wara xogħol tajjeb minn Leroy Sane.

Barra minn darhom Borussia Dortmund għelbu lil Schalke 4-0 bin-Norveġiż Erling Haaland jiskurja darbtejn fi tmiem ġimgħa mill-aqwa għal Dortmund.

Dortmund fil-vantaġġ qabel il-mistrieħ mill-Ingliż Jadon Sancho, goal bellezza ta’ Haaland għamilhom tnejn, 3-0 ta’ Raphael Guerreiro wara wall pass tajjeb ma’ Marco Reus, qabel is-sbatax-il goal f’dan il-kampjonat għal Erling Haaland b’tap-in fid-disgħa u sebgħin minuta.

U rebħa komda 3-0 għal Leipzig barra minn dahom fuq Hertha Berlin, vantaġġ b’xutt b’saħħtu mill-bogħod ta’ Marcel Sabitzer, irduppjaw minn Nordi Mukiele wara żball tal-ex Arsenal Matteo Guendouzi, 3-0 lejn tmiem il-partita b’goal ta’ Willi Orban.

Leipzig żammew it-tieni post b’sebgħa u erbgħin punt, żewġ punti anqas mil-leaders Bayern Munich, Wolfsburg u Frankfurt it-tielet bi tnejn u erbgħin punt.

Miktub minn...
Rodney Vassallo