Tennis
Cameron Norrie u Paula Badosa jirbħu l-kategoriji rispettivi fl-Open t’Indian Wells

Il-Brittaniku Cameron Norrie ġie minn sett minn taħt biex fil-finali tal-Open t’Indian Wells għeleb lil Nikoloz Basilashvili. Norrie sar l-ewwel Brittaniku li qatt rebaħ turnew tal-Masters 1000. Cameron Norrie beda ħażin u tilef l-ewwel sett 3-6, imma mbagħad rebaħ it-tieni wieħed 6-4. Fl-aħħar sett il-Brittaniku kien b’saħħtu wisq għall-avversarju u rebaħlu 6-1.

Cameron Norrie rnexxilu jasal sa fejn Andy Murray, Tim Henman u Greg Rusedski ma rnexxilhomx jaslu, għax it-tlieta li huma temmew fuq in-naħa telliefa fil-finali.

It-tennista Paula Badosa rebħet il-kategorija tan-nisa fl-Open t’Indian Wells meta għelbet l-isfida ta’ Victoria Azarenka fi tliet sets. Badosa rebħet l-ewwel sett 7-6, biss falliet fit-tieni wieħed meta tilfitu 2-6. Fit-tielet u l-aħħar sett Badosa ħarġet rebbieħa 7-6 biex b’hekk saret l-ewwel Spanjola li rebħet it-turnew fid-deżert ta’ Kalifornja.

B’din ir-rebħa Badosa telgħet fit-13-il post tar-rankings dinjija.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA